Wednesday, December 25, 2024

Indjan mixli li xerred vidjo sesswali tal-eks sieħba

Aqra wkoll

Indjan ta’ 32 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li xerred vidjo sesswali tal-eks sieħba tiegħu wara li din telqitu.

Jaysal Kuyil Kandam, li jaħdem bħala delivery-man f’Malta, tressaq quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Fil-Qorti ħareġ li r-raġel kemm-il darba pprova jċempel lis-sieħba, iżda din kienet imblukkat in-numru tiegħu. Ir-raġel iżda baqa’ ma qatax qalbu u rrikorra għall-emails, li wkoll baqgħu ma ġewx imwieġba.

Il-mara eventwalment biddlet l-indirizz fejn kienet toqgħod iżda l-eks sieħeb tagħha rnexxielu jsegwiha u f’ġurnata partikolari matul ix-xahar li għadda kienu ltaqgħu wiċċ imb wiċċ. Dakinhar, il-mara allegatament kienet sofriet xi ġrieħi. 

Fil-Qorti ntqal ukoll li wara dak l-episodju, l-imputat allegatament kompla jiffastidjaha b’mod diġitali u permezz ta’ email heddidha li kien se jxerred il-filmati sesswali tagħha “mal-ħbieb tagħhom u mad-dinja kollha.” 

Fil-bidu, il-mara ma bdietx tagħti kas, iżda meta bagħtilha email u mehmuż fih kien hemm dokument kompromettenti, li kien diġa’ bagħtu lil ħabib tiegħu, hija rrapportat b’dan lill-Pulizija.

L-Ispettur Eman Hayman spjega li għalkemm il-ġbid tal-vidjo dak iż-żmien kien sar bil-kunsens tagħha, hija qatt ma tatu permess biex ixerred dak il-materjal ma’ persuni oħra.

Wara li ċaħad l-akkużi, l-imputat ingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest taħt depożitu ta’ €750 u garanzija personali ta’ €8,000. Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara li tibqa’ fis-seħħ tul dawn il-proċeduri. “Ma tistax tkellem lil din il-mara. Trid iddaħħalha f’rasek, bħallikieku ma teżistix,” wissietu l-Maġistrat filwaqt li qaltlu jekk b’xi mod jipprova jkellimha, anke permezz ta’ terzi persuni, se jerġa’ jsib ruħu fl-inkwiet.

L-Avukat Robert Piscopo deher għall-imputat. 

Ekonomija

Sport