L-artist internazzjonali Sam Ryder, fl-ewwel wirja tiegħu barra mir-Renju Unit deher ferm emozzjonat bil-folla ta’ mijiet ta’ Maltin li lbieraħ żaru l-Forti Manoel għall-kunċert tiegħu.
Qarrej tagħna qalilna dwar mument partikolari waqt il-kunċert fejn l-artist issorprenda lil kulħadd. “F’ħin minnhom huwa waqqaf il-kunċert tiegħu u għajjat għall-għajnuna wara li persuna mill-folla tagħha ħass ħażin waqt li kien qiegħed ikanta”, qal ma’ talk.mt dan il-qarrej. Il-kantant ma ħasibhiex darbtejn biex niżel jagħti l-ewwel għajnuna sakemm wasal it-tim mediku. Hu talab lin-nies biex jagħmlu spazju lil din il-persuna minħabba xi rassa li seta’ kien hemm fuq il-parti ta’ quddiem tal-folla.
F’filmat li xerred fuq il-midja soċjali aktar qabel ilbieraħ, Ryder deher impressjonat bil-kju ta’ nies li kien hemm tistenna biex tidħol għall-kunċert. Huwa kellu kliem ta’ tifħir għal pajjiżna u fejn minkejja li din kienet l-ewwel żjara tiegħu, qal li mill-ewwel bħal sar iħobb lil din il-gżira.
Il-folla preżenti apprezzat l-umiltà tal-artist li anke deher ixejjer bil-qalb il-bandiera ta’ pajjiżna u fl-aħħar tal-kunċert sellmitlu b’ċapċipa li dwiet l-inħawi.