L-industrija tal-films f’Malta llum qed tipprovdi stabblità. B’aktar minn 1,800 Maltin jaħdmu fil-films. Din hija żieda sinifikanti meta mqabbla ma’ tmien snin ilu, meta madwar 300 Maltin kienu jaħdmu fis-settur għal perjodi qasir ta’ zmien fis-sena.
Dan intqal mill-Kummissarju tal-Films Johann Grech, li spjega kif f’dawn it-tmien snin, f’pajjiżna nħadmu 200 produzzjoni b’budget ta’ €730 miljun.
“Bl-investiment li għamilna fl-industrija tal-films, pajjiżna mar aħjar. Il-finanzi tal-Gvern marru aħjar. Il-Gvern daħħal erba’ darbiet aktar milli nefaq”, qal il-Kummissarju tal-Films.
Hu qal li din l-industrija ġiet strutturata mill-ġdid biex tkun kapaċi taħdem matul is-sena kollha u tilqa’ aktar produzzjonjiet fl-istess ħin. Huwa qal li dan wassal biex ix-xogħol fil-films ma jibqax temporanju iżda jsir xogħol is-sena kollha.
Il-Kummissarju Grech spjega li meta dawn l-aħħar tmien snin jitqabblu mat-13-il sena ta’ qabel, Malta rnexxielha toħloq ħames darbiet aktar impjiegi fil-qasam tal-films u fl-industriji relatati.
B’kollox, ġew sostnuti aktar minn 15,000 impjieg madwar l-ekonomija, b’benefiċċji mifruxa fuq komunitajiet differenti.
Huwa qal ukoll li f’dawn it-tmien snin, l-industrija tal-films ta’ pajjiżna kibret sitt darbiet aktar miż-żmien ta’ qabel.
“Taħt it-tmexxija tagħna, l-industrija tal-films iġġenerat 1.5 biljun ewro fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
“Mill-industrija tal-films gawda kulħadd, mil-lukandi u r-ristoranti, sal-mastrudaxxi u l-bdiewa.
“Il-flus li ġew minn barra xterdu mal-ekonomija kollha. Verament, l-industrija tal-films saret “economic powerhouse” għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna,” qal il-Kummissarju Grech.
Huwa tenna li sar ħafna xogħol imma għad fadal ħafna aktar x’jiġi mwettaq. Qal li bil-proġett tal-Malta Film Studios, li jinkludi “the first global Land-Sea Super Stage”, se tkun ikkonsolidata l-ħolma tagħhom li joħolqu “a world-class film industry” f’Malta.
“Permezz ta’ investiment barrani għal dan il-proġett ambizzjuż, li se jipprepara lil pajjiżna għall-mitt sena li ġejjin, se nagħtu garanzija ta’ karrieri fil-films lill-Maltin u l-Għawdxin.
“Bil-viżjoni tagħna, l-industrija tal-films se twassal għal aktar tkabbir ekonomiku għal pajjiżna, f’livelli ferm ogħla. Se niksbu rekords ġodda minn dawk li ksibna sa issa f’dawn it-tmien snin ta’ tmexxija. Il-futur tal-industrija tal-films f’pajjiżna huwa sabiħ. Huwa futur fejn l-ambizzjonijiet taż-żgħażagħ tagħna jintlaħqu.”
Il-Kummissarju Grech temm jgħid li l-għan tal-Kummissjoni tal-Films hu li t-tkabbir jibqa’ sostenibbli u inklussiv, b’enfasi fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u l-aċċess għal opportunitajiet għal kulħadd.



