Sunday, May 4, 2025

“Infakkru biex nevitaw li dak li seħħ jerġa’ jiġri”

Aqra wkoll

Irridu nitgħallmu ngħixu ma’ xulxin. Naċċettaw id-differenzi ta’ bejnietna u mhux nobogħduhom. Qed nagħmel minn kollox biex dak li seħħ jibqa’ mfakkar – kunu l-vuċi ta’ dawk li kienu msikkta. Hi l-missjoni tiegħu li d-dinja ma taqgħax f’amnesia u tinsa dak li dak li ġara”. Dan kien iddikjarah ma’ IT-TORĊA Ben Lesser, persuna li kien irnexxielu jibqa’ ħaj mill-Olokawst.   Ben illum għandu 97, imma għad għandu l-grinta li kellu biex iwassal il-messaġġ kontra l-gwerra u kontra l-mibegħda.  Jisħaq li “jekk ma niftakrux u ma nfakkrux l-istorja, se nkunu kkundannati li nirrepetuha”.

U proprju għada l-Ewropa u anke żoni oħra madwar id-dinja se jitfakkar it-80 sena mit-tmiem tal-gwerra. Iċ-ċelebrazzjonijiet se jsiru f’jiem differenti, għalkemm hu bħal lum li delegazzjoni Ġermaniża kienet marret fil-kwartieri tal-British Field Marshall Bernard Montgomery f’Hamburg u ċedew bla kundizzjoni. Dawn kienu jinkludu l-forzi Ġermaniżi fl-Olanda, fil-Majjistral tal-Ġermanja u fid-Danimarka.  Tlett ijiem wara, f’Reims, ċedew il-forzi Ġermaniżi fuq kull front. L-iffirmar sar fit-8 ta’ Mejju. Stalin kien insista li jkun hemm ftehim ieħor iffirmat f’Berlin u hu għalhekk li r-Russja tiċċelebra r-rebħa fit-Tieni Gwerra Dinjija fid-9 ta’ Mejju. 

Illum iżda tmenin sena wara iż-żgħażagħ tagħna ftit li xejn huma mgħarrfin b’dak li kien ġara. L-interess naqas u dan anke għax iż-żmien qiegħed dejjem ibiegħdna minn dak li ġara. L-interess naqas. U dan hu perikoluż u s-sinjali llum qegħdin jidhru ukoll.

Il-lemin estrem, il-Faxxiżmu u n-Nażiżmu qegħdin jerfgħu rashom. Il-populiżmu qiegħed isir dejjem aktar popolari. Anki gvernijiet suppost xellugin saru populisti. U lil hinn minn dan, u din rajniha fl-Italja fl-aħħar jiem, bla mistħija ta’ xejn l-estemisti tal-lemin jinġabru fil-pubbliku u jagħmlu s-salut li ma jfisser xejn għajr mibegħda. 

U fl-anniversarju tat-tmenin sena għandna xi ħaġa oħra li qiegħda tiġri. L-Unjoni Ewropea li própria twaqqfet fuq is-solidarjetà u biex ma jkunx hemm aktar gwerer fl-Ewropa, illum mhux qed titkellem kif se tgħaqqad aktar lill-Ewropa, imma qed titkellem fuq il-bżonn li tarma lilla nfisha bl-armi. Qed titkellem fuq żidiet fin-nefqa tal-armi. Rajna pajjiżi jibdew jippreparvw li jżidu s-suldati. Oħrajn jinvestu f’armamenti sofistikati. U proprju fit-tmenin anniversarju, l-alleanza storika bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tinsab imxaqqa waħda sew. 

U llum jekk tistaqsi liż-żgħażagħ tagħna fuq dak li seħħ, f’kienet id-D Day, jew x’kien ġara fuq il-front tal-Lvant mar-Russja, li kien kruċjali biex finalment in-Nażisti ċedew, ir-reżistenza fl-Italja u l-Ġermanja, tibqa’ ħafna drabi bla risposta. Jew agħar minn hekk jgħidulek “dik storja”, ‘dik għaddiet’.

U hi din l-attitudni li llum hemm bżonn tiġi miġġielda. U tiġi miġġieldu b’kampanja li jfakkru l-kruha tal-gwerra u dak li sar.  Dan illum hu anke magħruf fost il-ftit veterani tat-Tieni Gwerra Dinjija li għad fadal. Filfatt grupp ta’ għaxra minnhom kitbu ittra miftuħa biex iwasslu messaġġ.

Jgħidu li “kważi 80 sena ilu, ġrat xi ħaġa kbira.  Kien il-qofol ta’ snin ta’ sagrifiċċju, azzjoni kollettiva u tbatija. Flimkien mal-alleati tagħna madwar id-dinja u madwar il-Commonwealth, għelibna l-flagell tal-faxxiżmu u ddefendejna pajjiżna, id-demokrazija tagħna u l-mod ta’ ħajja tagħna. Ftit minna li ġġieldu f’dik il-gwerra għadhom magħna llum. Imma dawk minna li qegħdin magħna jitolbu ħaġa waħda biss –  Li tiftakru. Ftakru f’dawk li taw l-akbar sagrifiċċju. Ftakru fil-periklu tal-awtoritarjaniżmu u l-faxxiżmu. Ftakru kif ingħaqdna lkoll flimkien minn klassijiet, reliġjonijiet, nazzjonijiet u razez differenti biex nirbħu. Ftakru li l-paċi u d-demokrazija ma jiġrux b’mod każwali, jeħtieġ li jinżammu. Li niftakru x’ġara mhux biss dwar li nonoraw lil dawk li mietu – li niftakru hija wkoll l-aħjar tama tagħna li nevitaw li dak li seħħ jerġa’ jiġri. Dan l-anniversarju jipprovdi opportunità biex nirrikonoxxu u niftakru wkoll lil dawk li ssagrifikaw ħajjithom minn madwar il-pajjiżi tal-Commonwealth. Nittama li l-ġenerazzjonijiet futuri jħarsu lura lejn it-tfittxija kollettiva tagħna għall-paċi u jibnu fuq il-valuri kondiviżi tagħna biex noħolqu dinja aħjar għal kulħadd.”

Il-veteran li ffirmaw dan l-appell huma Colin Bell, Jean Rees, Joe Peterburs, John Eskdale, Mervyn Kersch, Mirza Khan, Mohammad Hussain, Rajindar Singh Chatt, Ruth Brook Klauber u Tom Jones.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport