Tuesday, January 27, 2026

INFAKKRU L-OLOKAWST U L-VITTMI TIEGĦU

Aqra wkoll

Sa minn mijiet ta’ snin ilu, il-bniedem evolva intelletwalment u saħansitra sar l-iktar esseru intelliġenti fid-dinja tant li fl-intelliġenza tiegħu rnexxielu jiskopri ħwejjeġ u jwettaq ġrajjiet li jmorru lura sekli sħaħ fiż-żmien. Iżda mhux dejjem dak li wettaq kien ta’ ġid għalih innifsu u għall-umanita.

Illum qed infakkru l-Olokawst u l-massakru ta’ miljuni ta’ Lhud Ewropej li nqatlu fil-kampijiet tal-konċentrament Nazisti, iżda ma nistgħux ninsew daqs li kieku ma eżistewx, ġenoċidji oħra fosthom dawk f’Gaża, fl-Irwanda, fis-Sudan, f’Yazidi u fir-Rohingya. 

Għaliex jekk id-dinja tinsa dawn il-massakri tal-innoċenti tkun ukoll qed twarrab fil-ġenb il-Konvenzjoni tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġnoċidju li hija trattat importanti li n-Nazzjonijiet Uniti adottat fid-9 ta’ Diċembru 1948, wara l-Olokawst, u b’hekk saret l-ewwel trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem adottat mill-Assemblea Ġnerali tan-NU.

Illum, is-27 ta’ Jannar, qed jitfakkar il-81 anniversarju minn meta truppi Russi tal-armata l-ħamra lliberaw il-Kamp tal-Konċentrament, jew aħjar il-Kamp tal-mewt ta’ Aushwitz (Birkenau), li fih inqatlu madwar 1.1 miljuni ta’ priġunieri Lhud, li kienu trasferiti minn diversi pajjiżi Ewropej.

It-tfakkira tal-anniversarju, minbarra li tafferma mill-ġdid impenn li l-Olokawst se jibqa’ jkun għal dejjem twissija għan-nies kollha dwar il-perikli li jinbtu mill-mibegħda, bigottiżmu, razziżmu u preġudizzju iġġedded ukoll il-wegħda li mhux se jitħalla olokawst ieħor jerġa’ jseħħ.

Il-Kunsill tal-Ewropa stess jenfasizza li l-ġenerazzjoni tal-lum u l-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu għandhom ir-responsabbiltà li jgħaddu t-tifkira tal-vittmi ta’ din it-traġedja umana. Il-qtil sistematiku ta’ sitt miljun Lhud Ewropej min-nażisti u l-ħajjiet mitlufa ta’ għadd kbir ta’ vittmi oħra ċivili suġġetti għall-barbariżmu f’inħawi oħra tad-dinja qatt ma jistgħu jintesew. Lanqas ma tista’ tiġi aċċettata ċaħda jew distorsjoni tagħhom.

Mhux f’dan il-jum biss imma dejjem il-komunità internazzjonali għandha tgħaraf l-obligi tagħha fil-qafas tal-liġijiet internazzjonali illi lesta tagħmel minn kollox biex massakri tal-massa aktar ma jkunx hemm. Dan isir biss jekk id-dinja titlaq mill-egoiżmu u ssir aktar ħanina u ġusta biex l-umanità ma terġax tgħaddi minn ċirkostanzi li jwasslu għall-qerda tagħha stess.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport