Monday, December 23, 2024

Infermier u ‘nursing aide’ jitilfu appell dwar mewt ta’ pazjent

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Infermier u ‘nursing aide’ li nżammew responsabbli għall-mewt ta’ pazjent fl-Isptar Karin Grech kellhom il-ħtija ikkonfermata madankollu l-multa mnaqqsa wara li l-imħallef li semgħet l-appell tagħhom ikkonkludiet li t-tort għal dak li ġara ma kienx tagħhom biss.

Kien fis-7 ta’ Marzu 2012 li John Darmanin, anzjan ta’ 64 sena, instab mejjet mal-art fil-kamra tal-banju bl-awtopsja tikkonkludi li kien miet fgat fl-ikel. Peress li huwa ma setax jibla ikel solidu bdiet investigazzjoni dwar kif faga b’biċċa tiġieġa.

Dwar din il-mewt tressqu tliet membri tal-istaff li dakinhar kienu xogħol:  David Sant, infermier ta’ 35 sena mill-Għargħur; Carol Bonnici, ‘nursing aide’ ta’ 60 sena mis-Siġġiewi, u Maria Bondin, ‘chief nurse’  ta’ 62 sena minn Raħal Ġdid. 

Waqt li din tal-aħħar ma nstabitx ħatja li ikkaġunat il-mewt ta’ Darmanin, it-tnejn l-oħra nżammew responsabbli bil-Maġistrat Donatella Frendo Dimech timmulta lil Sant €7,000 u lil Bonnici €4,000.

Huma appellaw u quddiem l-Imħallef Edwina Grima insistew li l-obbligu tagħhom kien li jagħtuh daqqa t’għajn u mhux li jgħassuh ‘il ħin kollu waqt l-ikel.

Madankollu l-imsemmija mħallef irrimarkat kif mill-awtopsja irriżulta li Darmanin kien laħaq kiel ammont ta’ ikel u mhux gidma waħda ta’ tiġieġa kif qalu.

Hija sostniet li Sant ma ivverifikax jekk Darmanin kienx kiel u li l-ikel kien tneħħa minn ħdejh qabel ħareġ għall-brejk waqt li Bonnici naqset li tivverifika jekk l-ikel kienx ġie mgħaffeġ biex seta jieklu mingħajr periklu u marret tgħin pazjent ieħor li kienet taf li se jeħdilha ħin twil.

“Dawn it-tnejn min-nies kellhom ikunu konxji tal-bżonnijiet speċjali li kellu Darmanin u cioè li dan kellu bżonn l-assistenza waqt il-ħin tal-ikel kif kien hemm indikat ċar u tond fil-fajl mediku tiegħu”.

Fl-istess waqt l-Imħallef Grima nsistiet li l-ħtija ma setgħetx tingħata kompletament lilhom fosthom għax l-ikel lill-pazjenti tqassam meta ma kienx hemm infermieri jew ‘nursing aides mal-pazjent u li l-ikel ingħata fil-ħin tal-mediċini u għalhekk kien hemm piż akbar fuq l-infermieri biex ilaħħqu.

Kien għalhekk li waqt li ikkonfermat il-ħtija tagħhom fil-mewt ta’ Darmanin hija iddeċidiet li tnaqqsilhom il-piena u ikkundannat lil Sant iħallas €4,000 u lil Bonnici €2,000 b’rabta ma’ dan il-każ li kien investigat tagħha mill-Ispettur Geoffrey Azzopardi.

Ekonomija

Sport