Friday, March 21, 2025

Infermier arrestat wara li allegatament attakka infermiera oħra fl-Isptar Mater Dei

Aqra wkoll

Il-Pulizija fi stqarrija qalu li minn investigazzjonijiet kontinwi li saru, il-Pulizija stabbiliet fejn kien qiegħed l-allegat aggressur u ġie arrestat ftit tal-ħin ilu.

Ir-raġel, Indjan ta’ 36 sena, qiegħed jinżamm għal aktar stħarriġ u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin

Aktar kmieni: Infermiera bi ġrieħi gravi wara argument fl-Isptar Mater Dei

Infermiera ta’ nazzjonalità Indjana ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi wara li lbieraħ allegatament seħħ argument fl-Isptar Mater Dei.

Il-Pulizija fi stqarrija qalu li huma ġew infurmata mill-awtoritajiet tas-saħħa li aktar kmieni, seħħ argument bejn żewġ infermiera fl-Isptar Mater Dei.

Minnufih il-Pulizija marret fuq il-post fejn f’ward sabu mara ta’ 41 sena mill-Indja, b’xi ġrieħi f’idha, allegatament ikkawżati minn strument li jaqta’ u bil-ponta, li aktar tard ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi gravi.

L-allegat aggressur, infermier raġel mill-Indja, kien telaq minn fuq il-post, bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Aktar kmieni: Infermiera allegatament laqqtet daqqa ta’ strument li jaqta’ f’Mater Dei

Infermiera li taħdem fil-medical ward (M11) allegatament laqqet daqqa ta’ sikkina minn infermier ieħor ilbieraħ għall-ħabta tas-7.00pm.

Jirriżulta li għall-ħabta tas-7.00 p.m. waqt li kien qiegħed jinbidel ix-shift, allegatament inqala argument u infermier ta’ daqqa fuq l-ispalla bi strument li jaqta’ lill-infermiea oħra.

Hija ttieħded fid-Dipartiment tal-Emerġenza fejn bdiet tingħata l-kura.

Kelliem għall-Pulizija qal lil dan is-sit li l-Pulizija, kif ikollha informazzjoni kollha f’idejha tinħareġ stqarrija. 

Il-pulizija qiegħda tinvestiga dan il-każ.

Intant fi stqarrija l-isptar Mater Dei qal li lbieraħ, l-20 ta’ Marzu, fis-18:45 ta’ filgħaxija, seħħ inċident fl-Isptar Mater Dei fejn infermier allegatament attakka infermiera oħra. Minnufih ingħatat assistenza medika immedjata, u l-kundizzjoni tagħha qed tiġi mmonitorjata mill-qrib.

L-Isptar Mater Dei flimkien mal-Pulizija, qed jikkopera bis-sħiħ biex niżguraw investigazzjoni bir-reqqa u trasparenti.

L-Isptar Mater Dei huwa impenjat bis-sħiħ li jżomm ambjent sigur, ta’ rispett u ta’ sostenn għall-ħaddiema, il-pazjenti u viżitaturi kollha. Kif mistenni, ma hemm l-ebda tolleranza għall-atti vjolenti, fastidju, abbuż jew imġieba mhux xierqa fi ħdan l-Isptar. Dan l-aġir hu kompletament inaċċettabbli u ma jirriflettix il-valuri li nieħdu b’serjetà kbira f’dan l-Isptar.

L-Isptar Mater Dei jibqa’ impenjat li jżomm ambjent sigur u rispettuż għall-impjegati u l-pazjenti kollha tagħha, u aħna qed nieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex nindirizzaw din is-sitwazzjoni b’mod xieraq.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport