Infermiera fi New York ġiet arrestata wara li serqet il-credit card ta’ pazjent li kien qed imut kaġun tal-coronavirus, u minnha nefqitlu mas-$60 f’ikel u fjuwil.
Danielle Conti, ta’ 43 sena, serqet il-credit card lil Anthony Catapano ta’ 70 sena, u għamlet użu minnha tlett ijiem qabel miet kaġun tal-virus qattiela nhar it-12 ta’ Apil li għadda fl-Isptar ta’ Island University fi New York.
Conti intant ġiet arrestata ilbieraħ.
Hija allegatament serqet u użat il-credit card ta’ Catapano waqt li r-raġel kien qed jissielet għal ħajtu bejn l-4 u t-12 ta’ April, waqt li suppost kienet qed tikkura lir-raġel.
Kien fit-28 ta’ April li għadda li bint ir-raġel, Tara Catapano ndunat bit-transazzjonijiet li kienu saru u għamlet rapport lill-Pulizija.
“Ma nistax nemmen kif persuna tista’ tagħmel xi ħaġa bħal dik lil persuna oħra li qed tissielet għal ħajjitha,” qalet il-mara. “Din hija infermiera li ħalfet li tikkura, tipproteġi u ssalva lil pazjenti. Verament diżgustanti … Qatt ma kont nobsor li xi ħaġa bħal din setgħet isseħħ.”
Il-mara żiedet tgħid li Conti approfittat mill-kundizzjoni medika ta’ missierha. “Ċerta li assumiet li missieri kien se jmut kaġun tal-marda u li aħna, il-qraba tiegħu, ma konniex se nindunaw bit-transazzjonijiet,” żiedet tgħid Tara.
Conti, li ilha taħdem fl-istpar sa mill-2007, ġiet sospiża u qed tiffaċċja proċeduri ta’ tkeċċija jekk jirriżulta li hija verament għamlet użu mill-credit card tar-raġel.