Hija tgħid li iktar tkun ta’ problema jekk persuna tibqa’ tinkwieta għax dan jista’ jwassal għal mard mentali
Miktub minn Maria Azzopardi
“Nixtieq ngħid lil dawk in-nies li jiġu pożittivi għall-Covid-19 biex ma jaqtgħux qalbhom. Ħa jsibu għajnuna kbira min-naħa ta’ dawk tas-saħħa pubblika u min-naħa tas-saħħa. Ma tgħaddix ġurnata li ma jċemplux min-naħa tagħhom biex jaraw kif aħna. Ma jħallukx waħdek imma tħossok sigur. Li tħossok sigur huwa importanti għax hija waħda mill-iktar affarijiet li bniedem għandu bżonn f’mumenti bħal dawn.”
Dawn kienu l-kliem li Caroline Agius, li hija infermiera ta’ 43 sena, qalet lil inewsmalta wara li proprju ftit tal-jiem ilu kitbet pubblikament li ġiet pożittiva għall-Covid-19. Hija qalet li bl-ebda mod dan m’għamlitu biex tiftaħar bl-aħbar imma biex tkun ta’ kuraġġ għal min hu mwerwer minħabba l-virus.
“Jien nisma’ ħafna peress li niltaqa’ ma’ ħafna nies u kulħadd qed jibża’ minnhu. Il-ħajja trid tkompli,” qalet Caroline filwaqt li rrikonoxxiet il-fatt li din is-sitwazzjoni jista’ jkun li tħalli effett fuq is-saħħa mentali. “Fil-fatt iktar ‘il quddiem l-ammont ta’ nies morda mentalment se jiżdied aktar. Allura nixtieq ngħidilhom li mhux bilfors jafettwahom ħażin il-virus. Iktar tkun ta’ problema għal persuna jekk jibqa’ jinkwieta fuqu għax jista’ jwassal għal mard mentali, fejn dan lili jinkwetani aktar,” qalet Caroline.
Caroline rriżultat pożittiva għall-Covid-19 fis-6 ta’ Ottubru. Hija tistqarr li bħala sintomi fil-verità ma tantx kellha, għajr uġigħ ta’ ras li ma kinitx bħal tas-soltu u għalhekk tieħu l-pilloli għal dan l-uġigħ.
Hija qalet li kien xokk għaliha li rriżultat pożittiva għall-Covid-19 peress li kienet toqgħod attenta ħafna biex ma tieħux il-virus speċjalment minħabba ta’ madwarha. “Kemm jien, il-partner u anke t-tfal kollha kemm aħna pożittivi għall-virus. Nirringrazzja lil Alla li ħadd minnha ma kellu sintomi gravi, pero minnha tgħallimt kemm hu importanti li żżomm stil ta’ ħajja sana għax kieku kollha kemm aħna stajna nkunu agħar. Titgħallem ukoll tapprezza iktar il-ħajja u lil ta’ madwarek u tinduna wkoll min vera huwa ħabib tiegħek f’dawn il-mumenti li tkun waħdek u ssib dahrek mal-ħajt. Imma ninsab grata ħafna li sibna ħafna għajnuna kemm mill-familjari u l-ħbieb, kif ukoll min-naħa ta’ dawk tas-saħħa pubblika,” qalet Caroline filwaqt li żiedet tgħid li mhux kulħadd jiġi affettwat l-istess, pero min ikun san u m’għandux problemi mediċi għandu jkollu rkupru tajjeb ħafna.
Hija tagħlaq b’appell biex kulħadd jieħu ħsieb ir-regolamenti li joħorġu l-awtoritajiet tas-saħħa, fosthom l-ilbies tal-maskra, ħalli t-tixrid tal-virus ikun aktar ikkontrollat. “Huwa importanti wkoll li wieħed iżomm id-distanza soċjali u li nipprattikaw ħasil tal-idejn b’mod ġust. Apparti minn hekk, huwa tajjeb li noqgħodu attenti kif imissu l-maskra waqt li nkunu qed nipproteġu lilna nfusna. Jekk ikollok idejk bil-virus u tmur tmiss il-maskra min-naħa ta’ ġewwa hija riskjuża ħafna u faċli li tieħu l-virus,” qalet Caroline.