Sunday, December 29, 2024

Infermieri Għawdxin bl-aqwa taħriġ biex iwasslu pazjenti Mater Dei bil-ħelikopter

Aqra wkoll

Infermieri Għawdxin, fosthom dawk li jaħdmu fid-dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex huma mħarrġin mill-aktar professjonali biex ikunu jistgħu jassisitu pazjenti li jkollhom bżonn jittieħdu b’emerġenza lejn l-Isptar Mater Dei.

Persuni li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li l-infermieri fl-Emerġenza li hemm fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex jingħataw taħriġ b’mod kontinwu u għalhekk illum wieħed jista’ jgħid li laħqu l-ogħla livelli.

Mis-sena 2017 sa tmiem l-2023 l-istess infermieri assistew 554 pazjent li tniżżlu mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex permezz ta’ ħelikopter lejn l-Isptar Mater Dei. Dawn kollha kienu jitniżżmu fil-helipad tal-Isptar San Luqa u jitwasslu b’ambulanza Mater Dei.

Intant, is-servizz bejn iż-żewġ sptarijiet kompla jitjieb hekk kif fil-11 ta’ Diċembru li għadda l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar il-link diretta bil-ħelikopter għat-trasferiment ta’ pazjenti bejn Għawdex u l-Isptar Mater Dei.

Il-Ministru Abela kien qal li sa mill-bidu li beda jopera l-Isptar Mater Dei, il-helipad ma wettaqx l-iskop oriġinali tiegħu, minħabba sfidi varji li kienu jimpedixxu l-inżul tal-ħelikopters. Spjega li l-Ministeru fehem l-importanza kritika ta’ helipad funzjonali fi sptar ċentrali fejn kull minuta tgħodd biex jiġu salvati l-ħajjiet.

Stqarrija tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qalet li għalhekk, ir-rijabilitazzjoni ta’ dan is-sit ġiet trattata bħala prijorità u l-isfidi ġew megħluba.

Il-Ministru Jo Etienne Abela ġie kkwotat jgħid li permezz ta’ ħidma mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Transport Malta, u speċjalisti tal-avjazzjoni internazzjonali, il-Ministeru ħejja l-helipad ta’ Mater Dei, bl-ewwel titjira (test-flight) tinżel fil-helipad fil-5 ta’ Diċembru 2024.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport