Sunday, November 24, 2024

Infern ta’ wġigħ wara inċident bil-mutur

Kundizzjoni li qabditu wara ma tippermettilux li jgħix ħajja normali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Inċidenti jiġru ta’ spiss u lil kulħadd imma l-konsegwenzi tagħhom jistgħu jvarjaw minn persuna għall-oħra u minn inċident għall-ieħor. Huwa proprju għalhekk li wieħed għandu joqgħod attent u dan anke f’attivitajiet normali ta’ kuljum fosthom eżerċizzju, sewqan, xogħol jew mixi. 

Il-ġisem tal-bniedem huwa fraġli kif ukoll kumpless u mhux la kemm wieħed jgħid ‘u iva, issa jgħaddi’. Hemm inċidenti li jibqgħu jaffettwaw il-ħajja tal-vittma b’mod negattiv ħafna kif ġara lil raġel fl-aqwa ta’ ħajtu li wara li kien involut f’inċident bil-mutur tiegħu, beda u baqa’ jsofri minn uġigħ kbir u kontinwu li qiegħed jillimitah bil-kbir fil-ħajja ta’ kuljum tiegħu tant li ma jistax lanqas jagħmel l-affarijiet bażiċi.

F’intervista ma’ talk.mt dan ir-raġel li għal finijiet ta’ anonimità se nagħtuh l-isem fittizzju ta’ John, irrakkonta kif fit-12 ta’ Marzu ta’ din is-sena, weġġa’ f’inċident u kellu bżonn jagħmel erba’ operazzjonijiet f’siequ fejn tpoġġielu metall apposta. Iżda l-problema ma waqfitx hemm. Anzi, aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, il-problemi aktar bdew jiżdiedu. 

Barra l-operazzjonijiet li sarulu dan is-sewwieq tal-mutur beda jattendi sessjonijiet ta’ ortopedija fl-Isptar iżda “kollox beda jikkomplika ruħu”. Wara ftit xhur it-tobba ma setgħux jifhmu għala l-ksur kien qiegħed ifieq normali iżda l-uġigħ u n-nefħa kienu l-ħin kollu hemm. Huwa beda jsofri wkoll minn ħmura fil-ġilda u anke minn problemi ta’ mobbiltà kbar, sintomi li kif stqarr, “ġennewni”. 

John ma kienx jaf li beda jbati minn kundizzjoni magħrufa bħala l-“Complex Regional Pain Syndrome” (CRPS), il-kundizzjoni li proprju x-xahar ta’ Novembru huwa ddedikat għaliha. F’dan ix-xahar isir għarfien f’ħafna pajjiżi inkluż tagħna fejn il-binijiet u postijiet oħra jinxtegħlu b’dawl oranġjo bl-islogan “Colour The World in Orange” bil-għan li n-nies isiru jafu b’din il-kundizzjoni reali li jista’ jbati minnha kulħadd, inklużi tfal.

Kundizzjoni rari li tista’ tikkawża diżabbiltà severa 

John qasam ma’ dan is-sit dak li qiegħed jgħaddi minnu wara inċident li kellu bil-mutur f’Marzu li għadda. Dan minħabba li wara sitt xhur mill-inċident, minħabba uġigħ “fantażma” u sintomi oħra li baqgħu jippersistu, it-tobba ddeċidew li jkun aħjar jekk jirreferuh fil-klinika li tispeċjalizza fl-uġigħ. Dan bil-għan li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa ħalli “jaraw x’inhuwa jiġri”. 

Hawhekk huwa ġie djanjostikat bil-kundizzjoni tal-Complex Regional Pain Syndrom (CRPS), kundizzjoni li kif tgħidilna t-tabiba Marilyn Casha, hija rari imma mhux terminali li tista’ tikkawża diżabbiltà severa għal dawk li jbatu minnha. 

Bil-għan li lil John itaffulu dan l-uġigħ li jsofri minnu l-ħin kollu u kważi kuljum, reġgħet saritlu operazzjoni oħra fejn din id-darba tpoġġewlu labar fin-nervituri tal-ispina li jgħaddulu impulsi elettriċi apposta. “Għadni għaddej bil-proċess u nittama li nkun aħjar għax l-uġigħ ma jieqaf qatt. Barra minnhekk ma nistax niċċaqlaq kif nixtieq. Għandi nefħa u nħossni ġġamjat. Konsegwenza ta’ dan jien limitat milli nagħmel ħafna affarijiet tant li lanqas nista nagħmel affarijiet bażiċi tal-ħajja normali ta’ kuljum. Ma nistax nimxi, ma nistax insuq u lanqas nista’ nagħmel attivitajiet li huma anke kkonsidrati sempliċi,” qal iddiżappuntat John.

L-aħħar test li sar lil John kien fl-24 ta’ Ottubru fejn sarlu MRI u għadu jittama li minn hawn jibda jieħu risposti ta’ x’għandu, kienx hemm żvilupp pożittiv u jekk finalment joħroġx minn din il-problema kbira f’saħħtu. “Nittama li nsir naf x’hemm u x’se jiġri għax s’issa għadni fl-għama. Dan minħabba li kundizzjoni bħal din mhiex xi ħaġa sabiħa u jkolli ġranet fejn l-uġigħ ikun wisq terribbli,” spjegalna John.

Is-sistema nervuża tibda ma taħdimx sew…

Dan is-sit ried aktar informazzjoni dwar il-kundizzjoni li beda jbati minnha dan il-qarrej u tkellimna mat-tabib Marilyn Casha fejn ikkonfermat dak li qiegħed jgħaddi minnu John. “Is-CRPS mhiex kundizzjoni komuni li tista’ tiġi kkawżata minn trawma fosthom inċidenti u ksur li mhux neċessarjament ikunu serji però, għal raġunijiet mhux ċari, is-sistema nervuża ma taħdimx sew u tikkawża sintomi li jistgħu jwasslu għal diżabbiltà,” spjegat Dott. Casha.

Hija qalet li s-sintomi ta’ din il-kundizzjoni huma ħmura, nefħa, uġigħ mhux proporzjonat, żieda t’għaraq, telf tal-użu tal-idejn jew is-saqajn, osteporożi, tibdil fil-ġilda u/jew fid-dwiefer. It-trattamenti għaliha jinkludu mediċini, interventi, fiżjoterapija u occupational therapy. Lokalment l-għajnuna kollha bħala trattamenti hija offruta mill-Pain Management Services fl-Isptar Mater Dei.

“M’hemmx mod kif tkun taf lil min tista’ taqbad”

“Jista’ jbati minnha kulħadd, anke t-tfal u m’hemmx mod li tkun taf lil min tista’ taqbad. Mhix marda terminali però tista’ tikkawża diżabbiltà severa minħabba uġigħ kbir u telf ta’ użu ta’ idejn jew saqajn. Riċerka promettenti hemm u fil-maġġoranza tal-każijiet hawn it-trattamenti avvanzati kollha hawn Malta iżda huwa importanti li l-kundizzjoni tintlaħaq minn kmieni,” wissiet Dott. Casha.

Il-pariri tagħha bħala professjonista fil-qasam huma li wara l-inċident, jekk l-uġigħ ma jtaffix fi ftit żmien, wieħed għandu jieħu parir mingħand speċjalista tal-uġigħ malajr għax inkella l-istess uġigħ jista’ jiżdied. “Importanti mmens li titkompla t-terapija u huwa importanti ferm ukoll li l-pazjent jiġi emmnut għax għalkemm ma jkunx jidher, l-uġigħ jista’ jkun insapportabbli anke jekk sempliċiment tmiss ħafif lill-pazjent,” temmet Dott. Marilyn Casha.

Sport