Infetħu n-nominazzjonijiet għall-Premju għall-Arti 2026

0
1

Il-Kunsill Malti għall-Arti, fi ħdan il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, ħabbar li nfetħu n-nominazzjonijiet għall-Premju għall-Arti 2026, ċelebrazzjoni nazzjonali tal-eċċellenza, l-innovazzjoni u l-kisbiet fis-setturi kulturali u kreattivi.

L-edizzjoni tal-2026 se tirrikonoxxi xogħlijiet artistiċi, proġetti, produzzjonijiet, inizjattivi u kisbiet li ġew ippreżentati lill-pubbliku matul il-perjodu ta’ eliġibbiltà. Dawn jinkludu xogħlijiet artistiċi, programmi, wirjiet, produzzjonijiet teatrali, pubblikazzjonijiet, screenings u attivitajiet artistiċi oħra li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bejn l-1 ta’ Settembru 2025 u l-31 ta’ Awwissu 2026.

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Dr Malcolm Paul Agius Galea, qal li l-Premju għall-Arti jipprovdi pjattaforma ta’ viżibbiltà nazzjonali għax-xogħlijiet artistiċi li qed jinħolqu fix-xena kulturali Maltija.

“Il-Premju għall-Arti jagħti rikonoxximent lill-persuni, il-proġetti u l-organizzazzjonijiet li qed ikomplu jsawru l-identità artistika ta’ pajjiżna. Il-fażi tan-nominazzjonijiet hija parti importanti minn dan il-proċess, għax tagħti lis-settur u lill-pubbliku l-opportunità li jipproponu dawk ix-xogħlijiet li ħallew impatt, fetħu diskussjonijiet ġodda jew arrikkew il-ħajja kulturali fil-komunitajiet tagħna. Is-setturi kreattivi ta’ Malta qed jipproduċu xogħlijiet ambizzjużi u ta’ valur, u dawn il-premjijiet jagħtuhom ir-rikonoxximent li jistħoqqilhom.”

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli, qal li l-Premju għall-Arti jkompli jsaħħaħ il-kultura tar-rikonoxximent fis-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li jagħti viżibbiltà lill-ħidma u l-kisbiet tal-artisti u l-prattikanti kulturali.

“Il-Premju għall-Arti jiċċelebra l-kreattività, il-kwalità, id-dedikazzjoni u l-impatt li l-artisti u l-prattikanti kulturali tagħna jħallu fuq is-soċjetà. Bil-ftuħ tan-nominazzjonijiet qed niftħu dan il-proċess lis-settur u lill-pubbliku ġenerali sabiex flimkien nagħrfu dawk il-proġetti, il-produzzjonijiet u l-inizjattivi li ħallew impatt matul is-sena. Nemmnu li l-eċċellenza artistika tieħu diversi forom, u rridu li din l-edizzjoni tirrifletti b’mod awtentiku l-kwalità, id-diversità u l-kreattività tax-xogħol li qed jinħoloq f’Malta.”

Għal din l-edizzjoni, in-nominazzjonijiet mhux se jkunu marbuta ma’ kategoriji stabbiliti minn qabel. Wara li tagħlaq il-fażi tan-nominazzjonijiet, l-Kunsill Malti għall-Arti, se jevalwa n-nominazzjonijiet kollha eliġibbli u jistabbilixxi l-kategoriji tal-premjijiet li se jkunu parti mill-proċess tal-applikazzjoni u tal-evalwazzjoni.

Id-Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti Malta u l-maniġer responsabbli mill-Premju għall-Arti, Maria Angela Vassallo, spjegat kif dan il-proċess huwa maħsub biex in-nominazzjonijiet jirriflettu l-firxa wiesgħa tal-prattika artistika f’Malta.

“Il-proċess tan-nominazzjonijiet ta’ din is-sena huwa mfassal biex jagħti spazju lill-firxa kollha tax-xogħol li qed isir fis-settur. Għall-ewwel darba, in-nominazzjonijiet qed jinfetħu mingħajr kategoriji stabbiliti minn qabel, sabiex il-Kunsill ikun jista’ jeżamina mill-qrib ix-xogħlijiet sottomessi qabel ma jadatta l-kategoriji skont ir-realtajiet tal-prattika artistika tal-lum. Inħeġġu lill-artisti, lill-organizzazzjonijiet, lill-produtturi, lill-entitajiet u lill-membri tal-pubbliku biex jinnominaw dawk ix-xogħlijiet li taw kontribut sinifikanti lis-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta.”

In-nominazzjonijiet jistgħu jitressqu mill-pubbliku, mill-artisti u l-kreattivi, mill-produtturi u l-promoturi, mill-organizzazzjonijiet kulturali, minn entitajiet pubbliċi u minn entitajiet privati. Nominazzjonijiet personali (self-nominations) huma milqugħa u mħeġġa.

In-nominazzjonijiet jistgħu jintbagħtu permezz tal-Google Form uffiċjali tal-Premju għall-Arti 2026. Il-linji gwida huma disponibbli fuq https://artscouncilmalta.gov.mt/en/the-arts-awards/. In-nominazzjonijiet se jibqgħu miftuħa sal-1 ta’ Settembru 2026 f’nofsinhar (12:00).

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here