Saturday, November 23, 2024

“Infiq akbar fuq l-abbuż tad-droga” … Dwejjaq, nuqqas ta’ rqad u tensjoni kbira kuljum

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

“Biża”. “Nuqqas ta’ rqad”. ‘Dwejjaq kbar, li xi drabi ma nkunx niflaħ aktar. Kemm se ndumu f’din is-sitwazzjoni?” Dawn kienu l-ewwel kummenti li qasam magħna adult ivvizzjat bid-droga. F’garaxx sempliċi, fejn qed jgħaddi l-ġurnata u l-lejl, jgħidilna li “waħdi. Spiċċajt bla xogħol. Kultant inħoss li qisha d-dinja għalija spiċċat. Qisna minsijin. MIn qed jitkellem fuq il-karba tagħna. Jien żbaljat u għadni fl-iżball. Forsi ħaqqni għax żbaljajt aktar minn darba. Wassal il-karba tagħna hemm barra. Qegħdin inbatu ħafna. Għaddejjin minn tensjoni kbira. Il-prezz tad-droga llum sar ħafna aktar għali minn qabel.  Imalla ttini xi ħaġa ommi. Bl-inkwiet nagħmel ljieli mqajjem. Ma nistax norqod. Inħossni waħdi u qisu issa ħadd mhu jagħti każ nies bħalna. Qabel kont insib ma xi ħadd tgħid kelma, jew xi ħadd jgħinek. Illum xejn. waħdi. Kerha wisq ta’ waħdek”.

Inewsmalta stħarrġet is-sitwazzjoni fejn jidħlu dawk li jabbużaw mid-droga f’pajjiżna. Realtajiet iebsin. Professjonist li jaħdem f’dan il-qasam qalilna li dan hu perjodu diffiċilissimu għal dawn il-persuni. Jispjega li dawn illum qed iħossuhom aktar abbandunati minn qabel. Jenfasizza li qed jaraw il-prezz tad-droga jogħla u qed jieħdu aktar droga minħabba l-inċertezza li għandhom. L-istess professjonist qalilna li ma tant issemmiet imma f’dan il-perjodu kien hemm nies li konna nafu li jabbużaw mid-droga li sfortunatament mietu b’overdose.

Nistaqsuh jekk jarax li żdiedu l-overdoses u jgħidilna li din hi mistoqsija li mhux faċli tweġiba. “Ma tridx tkun prużuntuż. Biex twieġeb xi ħaġa hekk irid isir studju dettaljat. Nafu imma li kien hemm każi ta’ imwiet mindu bdiet il-pandemija fosthom diversi drogati. MIn jaf kemm kien hemm li sofrew overdose fi djarhom u stennew li jgħaddi kollox”.  L-istess professsjonist qalilna li mill-ħidma tiegħi ma’ dawn in-nies illum nistgħu ngħidu b’ċertezza li dawn qed jonfqu aktar flus fi droga, kemm għax din għoliet u kemm għax qed jieħdu aktar jew kellhom jaqilbu minn fuq droga għal oħra.

Nitkellmu mad-Direttur ta’ Sedqa u t-tabib taċ-Ċentru tad-Detox

Inewsmalta tkellmet mad-Direttur ta’ SEDQA, Charles Scerri u mat-Tabib tac-Centru Detox Dr Moses Camilleri, dwar is-sitwazzjoni ta’ dawk li jabbużaw mid-droga f’pajjiżna u l-pandemija.

Nistaqsuh dwar dak li qalilna l-persuna li tkellem magħna fosthom li l-abbuż tad-droga qed jiżdied minħabba l-Covid19. Staqsejnihom jekk humiex qed jesperjenzaw żidiet fil-każi ta’ overdoses.

Huma jgħidulna li “għalkemm id-Dipartiment ta’ l-Emerġenza huwa f’pożizzjoni aħjar sabiex iwieġeb din id-domanda minħabba l-fatt li huma l-‘first response team’ ta’ overdoses serji, ta’ min wieħed isemmi wkoll il-fatt li ammont ta’ nies li jagħmlu overdose ta’ sustanzi jibqgħu d-dar u jistennew li jirkupraw waħedhom. Dan huwa ferm perikoluż għax l-individwu jista’ jintilef minn sensieh u jpoġġi lilu nnifsu f’periklu. Għalkemm mhix informazzjoni li staqsejna speċifikatament dwarha, fi żmien il-COVID Sedqa ma nnutatx li kien hemm klijenti li batew minn overdoses aktar minn perjodi oħra. Sfortunatament smajna b’xi klijenti li kienu f’kuntatt maċ-Ċentru tad-Detox li fi żmien il-pandemija mietu, x’aktarx minħabba overdose, però l-impressjoni hi li ma kienx hemm żieda ta’ dan il-fenomenu waqt l-istess pandemija.”

Kwestjonarju fost id-droga….

Staqsejnieh dwar kif professjonist  li tkellem magħna qed isostni li meta l-iżolazzjoni soċjali, l-instabbilità ekonomika, u ansjetà jiżdiedu jwasslu għal żieda fit-teħid ta’ droga. Dwar dan, Dr  Scerri u Dr Camilleri jgħidulna li “fi żmien meta l-miżuri sabiex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-imxija tal-COVID-19 kienu bdew jiġu rilaxxati, sar kwestjonarju li wieġbu għalih 180 klijent li jattendu ġewwa ċ-Ċentru tad-Detox. Dan il-kwestjonarju fittex li jifhem kif kienu ġew affettwati pazjenti li fi żmien din il-pandemija kienu jattendu għall-kura tal-metahdone. Mill-informazzjoni li nġabret minn dan il-kwestjonarju jidher li kien hemm individwi li stqarru li d-dħul tagħhom naqas, filwaqt li numru ta’ klijenti stqarru wkoll li r-relazzjonijiet tagħhom marru għall-agħar. Saħansitra numru sostanzjali stqarru wkoll li ħassewhom aktar imdejqin mis-soltu. Dawn huma kollha fatturi li jistgħu jwasslu individwu sabiex fi żmien ta’ stress u wkoll fin-nuqqas ta’ alternattivi ta’ rikreazzjoni sana, wieħed jirrikorri aktar għal użu minn sustanzi. Dan l-istess kwestjonarju wera wkoll li ammont ta’ klijenti nefqu aktar flus biex jixtru d-droga, filwaqt li 4.4% biss stqarru li użaw anqas droga waqt il-pandemija.”

Id-DETOX ġie affettwat mill-pandemija 

Għal domanda dwar kif ġie affettwat iċ-Ċentru tad-Detox li hu ċentru importanti ħafna għal min ikun fil-problema tad-droga, qalulna li “ċ-Ċentru tad-Detox ġie affetwat waqt l-imxija tal-COVID-19. Sa minn kmieni tul il-pandemija kellu jintlaħaq kompromess bejn kontinwazzjoni ta’ dan is-servizz meqjus bħala essenzjali, u l-protezzjoni ta’ l-istaff li jaħdem ġewwa ċ-Ċentru tad-Detox. L-istaff inqasam f’żewġ gruppi separati kompletament minn xulxin sabiex fl-eventwalità ta’ xi ħadd li jirriżulta pożittiv għall-virus, l-operat jibqa’ għaddej xorta waħda. Għalkemm appuntamenti ta’ rutina twaqqfu, xorta waħda baqgħu jsiru interventi meqjusa ta’ emerġenza lil dawk il-klijenti li jkollhom bżonn għajnuna mmedjata. Baqa’ wkoll jingħata servizz għal dawk kollha li xtaqu jagħmlu kuntatt għall-ewwel darba. Filfatt tibdil f’servizzi oħra li toffri l-Aġenzija Sedqa wassal għal żieda ta’ każijiet ġodda li jirrikorru għall-għajnuna ġewwa ċ-Ċentru tad-Detox. Hawn wieħed juri l-apprezzament għax-xogħol siewi li komplew jagħmlu l-ħaddiema ta’ Sedqa f’dan iċ-ċentru f’kundizzjonijiet pjuttost diffiċli.”

Enfasizzaw li “l-Aġenzija Sedqa, l-aġenzija nazzjonali fi ħdan l-FSWS, toffri diversi servizzi kemm fis-settur tal-Prevenzjoni kif ukoll f’dak tal-Kura. Fil-prevenzjoni, Sedqa toffri l-akbar firxa ta’ programmi fil-pajjiż, li tolqot kull ġenerazzjoni u nies minn sferi differenti tas-soċjetà. Filfatt noffru programmi fl-iskejjel kemm primarji u anke fis-sekondarja bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni. Jiġu offruti wkoll sessjonijiet u programmi mmirati għal għaqdiet non-governattivi kif ukoll gruppi meqjusa bħala vulnerabbli, u saħansitra programmi mmirati għad-dinja tax-xogħol, fejn għandna relazzjoni tajba ħafna ma’ diversi entitajiet pubbliċi u kumpaniji privati li jfittxu l-assistenza tagħna.”

Spjegaw li “fil-qasam tal-kura, apparti ċ-ċentru tad-Detox, Sedqa toffri wkoll servizzi psikoloġiċi u wkoll servizz ta’ social work ġewwa l-kommunità. Hawn jiġu mfasslin pjanijiet ta’ kura għal dawk l-individwi li jixtiequ jirċievu għajnuna filwaqt li jibqgħu jgħixu r-rutina ta’ kuljum fil-kommunità. Hemm ovvjament il-Kommunità Santa Marija, il-programm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni ta’ l-Aġenzija Sedqa. Dan il-programm ġie rrinovat u joffri kunċett innovattiv fejn l-individwu jigi mgħejjun jegħleb id-diffikultajiet tiegħu fuq bażi terapewtika filwaqt li jgħix fi grupp ma’ individwi oħra. Importanti wieħed isemmi li tingħata wkoll assistenza professjonali lill-familjari ta’ kull individwu sabiex verament jintlaqtu d-diffikultajiet bl-aktar mod holistiku.”

L-użu ta’ labar u qsim ta’ għodod fl-abbuż tad-droga…x’qed jiġri?

Fattur li persuni li jaħdmu mill-qrib ma’ dawk li jbatu mill-vizzju tad-droga qed jinkwetahom hu x’qed jiġri fejn jidħol l-użu tal-labar u qsim ta’ għodod li jintużaw waqt l-abbuż. 

Dwar dan, it-tabib Scerri u tabib Camilleri jgħidulna li ‘ma għandna l-ebda evidenza li l-użu tal-labar u “sharing” ta’ labar jew affarijiet oħra użati waqt teħid ta’ droga żdied waqt il-pandemija. Aħna tkellimna ma’ Ċentri tas-Saħħa biex inkunu ċerti li s-servizz ta’ tqassim ta’ labar minn dawn iċ-ċentri ma kienx qed jiġi affetwat ħażin fl-eqqel tal-pandemija. Għalkemm ma għandna l-ebda statistika uffiċjali, ma kien hemm ebda indikazzjoni li dan is-servizz ġie affetwat ħażin. Ta’ min wieħed jinnota li tul l-aħħar snin, statistika ppubblikata mill-EMCDDA tindika li f’Malta l-użu tal-labar fit-teħid tad-droga fost individwi li jagħmlu kuntatt ma’ servizzi qiegħed jonqos. Dan jawgura tajjeb sabiex mard infettiv bħal ma hu mard tal-Epatite u HIV ma jkomplix jinfirex. B’mod partikolari hemm it-tama li l-marda tal-Epatite C tiġi eradikata minn pajjiżna fis-snin li ġejjin ħajr għall-kura li qed tingħata b’xejn għal din il-marda ġewwa l-isptar Mater Dei.” 

Sport