Issa li l-inflazzjoni ilha magħna għal diversi xhur, fejn xahar wara ieħor qegħdin naraw dejjem togħla ‘l fuq fejn mhumiex biss il-prodotti tal-ikel li ġew affettwati. Illum tista’ tgħid li ma kull ħaġa li tmiss se tmiss li kien hemm tibdil fil-prezz. Anki s-servizzi llum, qegħdin naraw jiżdiedu sew fil-prezz u dan qed isir minħabba li l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-prodotti użati għal dawn is-servizzi, bħal dawk għall-qasam tal-kostruzzjoni żdiedu bil-kbir.
Din il-mewġa ta’ inflazzjoni affettwat kull kategorija ta’ persuni f’pajjiżna. Hemm sezzjonijiet li din l-istess inflazzjoni laqtithom ferm u ferm aktar. Dawn huma l-anzjani, persuni vulnerabbli u dawk bi dħul baxx. Mhux biss qegħdin jintlaqtu b’mod negattiv ħafna talli din l-istess inflazzjoni, li qed tiżdied minn xahar għal xahar u kollox qed jindika li se tibqa’ għaddejja b’dan il-mod minn tal-inqas sal-aħħar tas-sena, qed twassal għal inugwaljanzi u emarġinazzjoni soċjali.
Titkellem ma’ pensjonanti u ma’ dawk bi dħul baxx dwar is-sitwazzjoni u jgħidulek li “fejn se naslu ma nafux. Irid noqgħod ħafna aktar attent biex il-pensjoni isservina sal-aħħar tax-xahar. L-ikla ta’ darba f’ġimgħa li konna nagħmlu, waqqafniha.” Oħrajn qed joqogħdu attenti aktar fuq x’jieklu u ma jiklux.
Persuni bi dħul baxx, ukoll jitkellmu fuq kif kellhom jaqtgħu ċerti affarijiet u dan bil-għan li l-paga isservihom. Il-miżuri li jsemmulek ivarjaw. Min naqqas jew qata għal kollox l-ikliet fi tmiem il-ġimgħa. Oħrajn jitkellmu dwar kif raw kif jagħmlu u naqqsu l-ħela, xi ħaġa li minnha nfiha hi pożittiva.
L-anzjani jilmentaw bil-kbir minn kif għolew ċertu mediċini u li dan qed iwassal biex l-ispiża tagħhom fuq il-mediċina fix-xahar żdiedet sew.
Din hi inflazzjoni li qed twassal biex dawn il-kategorji ta’ nies qed jinqatgħu lura. L-inugwaljanza qed tkompli tiżdied. Qed jispiċċaw aktar emarġinati. L-akbar biża ta’ dawn il-persuni mhix biss l-inflazzjoni li qed jiffaċċjaw imma x’se jiġri fix-xhur li ġejjin. Din hi inugwaljanza u emarġinazzjoni, li qed taffettwa ħażin lil dawn il-persuni. Qed taffettwahom ħażin anki mentalment, b’mod partikolari wara dak li l-istess anzjani u persuni vulnerabbli għaddew minnu minħabba l-Covid19.
Ovvjament f’pajjiżna l-inflazzjoni hi inqas minn dik Ewropea u dan hu għall-fatt li l-prezzijiet għall-enerġija u l-fjuwil, sa issa baqgħu stabbli. Dawn baqgħu l-istess u m’għolewx. Dan ovvjament ta’ nifs lil dawn il-kategoriji ta’ nies. Mill-banda l-oħra, meta tneħħi l-prezzijiet tal-enerġija, issib li l-inflazzjoni f’Malta hi għola sew minn pajjiżi oħra.
Nemmnu li l-infurzar fuq fis-suq u l-edukazzjoni lill-konsumaturi iridu ikomplu jissaħħu. Ma nistgħux nibqgħu b’sitwazzjoni fejn il-konsumatur ikollu prezz fuq il-prodott u prezz għola fuq il-kont u meta tikkonfronta is-sid tal-ħanut jgħidlek għax il-prezz għadu l-antik.
Nittamaw li f’pajjiżna jittieħdu miżuri qawwija u effettivi biex dawn il-kategoriji ta’ persuni ma jibqgħux ibatu fis-skiet. Ma jibqgħux jaqgħu lura minħabba l-inflazzjoni. Ma jkomplux jiffaċċjaw l-emarġinazzjoni.