Wednesday, December 25, 2024

INFLAZZJONI LI QED TIFNI LILL-VULNERABBLI

Aqra wkoll

Jekk hemm xi ħaġa li bħalissa qed tinkwieta lil ħafna u qed tifni lil diversi kategoriji ta’ nies anki f’pajjiżna hi l-inflazzjoni. Il-poplu tagħna, l-istess kif qed jiġri f’pajjiżi oħra minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u żieda fil-prezzijiet tat-trasport, qed iwasslu biex il-prodotti tal-ikel qed jogħlew b’mod kontinwu. Fl-aħħar jiem komplew ħerġin aħbarijiet inkwetanti minn pajjiżi Ewropej. Illum qegħdin nisimgħu li anke l-prodotti agrikoli se jkunu qed jogħlew fil-prezz.

Dan qed ikollu impatt sostanzjali b’mod partikolari fuq persuni vulnerabbli. Persuni li għandhom dħul baxx. Persuni bil-pensjonijiet, fejn qed jaraw li żdidilhom sew l-ispiża marbuta mal-ikel.  

Hu  pożittiv li f’pajjiżna qegħdin nisimgħu u għandna ċertu assigurazzjonijiet li se jkun hemm għajnuna għal dan. Hu pożittiv ukoll li anke l-prezzijiet tal-enerġija baqgħu stabbli. Wieħed jistaqsi imma din i-pressjoni minn barra kemm se ddum? Mistoqsija li għalissa għad m’hemmx tweġiba dwarha. It-tama ta’ ħafna hi li din is-sitwazzjoni titranġa malajr kemm jista’, iżda m’hemm ebda garanzija għal dan.

Is-sitwazzjoni taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet li qed jesperjenza l-poplu llum ma kinitx prevista sa erba’ xhur ilu. Filfatt ekonomisti stabbiliti fl-Ewropa kienu bdew ibassru li l-inflazzjoni matul din is-sena kienet se tonqos.

Dan kien qed jiġi mbassar f’Jannar li għadda. Minkejja dan, iċ-ċirkostanzi li laqtu id-dinja, urew sitwazzoni xorta oħra, tant li f’dan l-ewwel kwart tas-sena splodew il-prezzijiet. Hemm min għandu interess ibeżża’ bl-għan li jkun hawn min imur jgħaġġel jixtri mis-supermarkets u tinħoloq domanda oħra, u b’hekk tkompi żżid mal-pressjoni tal-prezzijiet. 

Kellek ukoll esperti ekonomiċi tal-Bank Ċentrali Ewropew li f’analiżi li għamlu fil-bidu tas-sena kienu qalulna li l-inflazzjoni għandha tonqos matul din is-sena. 

Kien qed jingħad li ż-żieda fil-prezzijiet kienet ġejja minħabba l-pandemija u kienu ddeskrivew dak li qed jiġri bħala ċiklu li jiġri f’pandemija. Filfatt kienu spjegaw kif fl-ewwel sena tal-pandemija l-inflazzjoni kienet baxxa, fit-tieni sena żdiedet kif mistenni, waqt li fit-tielet sena terġa’ tibda nieżla. 

Nifhmu li s-soluzzjonijiet biex tilqa’ għal din l-inflazzjoni għolja mhumiex faċli.  Nemmnu li anke żieda fl-interessi f’dan il-mument mhux se jgħinu dan, u jwasslu biex tonqos id-domanda għax-xiri. Nemmnu li għajnuna b’mod finanzjarja lil kategoriji partikolari f’pajjiżna, b’għajnuniet aktar qawwija għal dawk vulnerabbli huma is-soluzzjoni.

Ekonomija

Sport