Tuesday, December 24, 2024

INFLAZZJONI LI QED TNAQQAS IL-KWALITÀ TAL-GĦAJXIEN

Aqra wkoll

Kif mistenni matul l-aħħar ġimgħat kompliet il-mewġa ta’ inflazzjoni biż-żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti u anke ta’ servizzi ikomplu għaddejjin. Il-konsumaturi Maltin bħal dawk f’pajjiżi madwar id-dinja qegħdin ikomplu jsibu ma’ wiċċhom żidiet kontinwi fi prodotti tal-ikel u prodotti oħrajn. Anki l-ħlas tas-servizzi qegħdin jiċċaqilqu sew.  Wieħed irid jirrimarka li fl-aħħar ġimgħat din ir-rankatura fil-prezzijiet jidher li naqset xi ftit u ma kinitx qawwija daqs kemm kienet fix-xhur ta’ bejn Mejju u Lulju. 

M’hemm ebda dubju li dawn iż-żidiet fil-prezzijiet fejn ma jonqosx li hemm min ħa l-okkażjoni biex għolla sew il-prezzijiet, qegħdin jaffettwaw lill-familji. Qegħdin jaffettwaw lill-familji b’mod different. Ma tistax taqta linja waħda.  Li hu żgur hu li dawn qegħdin jaffettwaw il-kwalità tal-għixien ta’ għadd ta’ persuni. Għalkemm, jidher li mhux qed jinħass xi tnaqqis kbir fid-domanda sa issa,  għandna konsumaturi f’pajjiżna li qegħdin jibdew iżommu lura. 

Fost dawk l-aktar milqutin hemm persuni milqutin minn mard jew qegħdin f’sitwazzjoni vulnerabbli. Titkellem magħhom jgħidulek kemm saret diffiċli għalihom li pensjoni jew il-paga isservihom  u dan minħabba iż-żieda fil-prezzijiet. Fi kliemhom stess, jippruvaw dejjem iġebbdu kemm jistgħu. Xi wħud minnhom jinsabu ukoll f’kirjiet, fejn anki dan hu qasam li r-rati jinsabu telgħin ‘l fuq.

U waqt li qegħdin fi ġlieda kontinwa ma’ prezzijiet tal-ikel, qegħdin jaraw ukoll il-ħlas tas-servizzi jiżdied. Ħlasijiet għal tobba żdiedu ukoll fl-aħħar xhur. Xi wħud jirrimarkaw li jekk ikollhom bżonn tabib il-Ħadd qegħdin jagħżlu li ma jsejħulux minħabba li tabib il-Ħadd jiġihom bejn €20 u €25. Nemmnu li dan mhux sew. Li familja ma ġġibx tabib minħabba l-ħlas. Faċli tipponta subgħajk lejn il-familja u tgħidilha mur il-poliklinika, xi ħaġa li mhux kulħadd jista’ jagħmel, għax mhux kulħadd għandu poliklinika fir-raħal tiegħu. Dan hu biss eżempju wieħed ta’ sitwazzjonijiet iebsa li ċertu kategoriji ta’ nies qed jiffaċċjaw.

L-istess dik il-persuna fis-siġġu tar-roti, li biex toħroġ min rajha mid-dar tal-anzjani u tmur f’xi post biex tgawdi tmiem il-ġimgħa, sabet li l-prezz tat-trasport żdied sew u għalhekk, ħarġa ta’ kull nhar ta’ Ħadd issa saret għaliha xi ħaġa tal-passat.

Ninsabu qrib li tibda is-sena skolastika u l-ommijiet diġa bdew jirċievu lista ma jaqtgħu xejn ta’ affarijiet li jridu jixtru. Hemm min diġa tkellem mal-iskejjel u urihom li se jkun diffiċli li jinxtraw minnhom minħabba pressjoni kbira li għandhom fuq id-dħul tagħhom. Anki hawn nemmnu li l-iskejjel setgħu kienu aktar flessibli, u affarijiet li jistgħu jgħaddu mingħajrhom ma jitpoġġewx f’lista biex jinxtraw għax mhux kulħadd jista’ jixtrihom.

Għandna dawk il-familji bi dħul baxx, b’pagi ta’ bejn €800 u €1,000 fix-xahar. Dawn qegħdin fi ġlieda kontinwa biex ilaħħqu. Huma familji li f’dan iż-żmien qegħdin jiċċaħħdu u jaraw kif ‘iġewwsu’ biex il-paga sservihom. Min minn dawn qiegħed f’kirjiet privati, is-sitwazzjoni għalihom hi aktar ikkomplikata.

Għandna is-sitwazzjoni u din aggravat aktar biż-żieda fir-rata ta’ inflazzjoni, fejn familji jieħdu xokk meta jmurilhom xi apparat domestiku. Jispiċċaw iduru fuq individwi jew organizazzjonijiet biex jgħinu, fejn l-għajnuna mhix nieqsa. 

Ma’ dawn imma hemm oħrajn li jibqgħu ibatu fis-skiet. Jiddeċiedu għax forsi jistħu li ma jitolbux għajnuna, bħall-anzjani li jagħżlu li ma jsaħħnux djarhom fix-xitwa u dan b’detriment għal saħħithom. Dawn huma nies li anke soċjalment jispiċċaw jinqatgħu mill-bqija tal-komunità għax ma jistgħux ilaħħqu ma’ kif sejrin l-affarijiet.

Quddiem dan kollu, f’pajjiżna kuntrarju għal pajjiżi oħra il-prezz tal-enerġija baqa’ dak li kien u ma żdietx fil-prezz u minn Ottubru li ġej, il-fatt li t-trasport pubbliku se jkun bla ħlas għandu jgħin sew għall-mobilità. Nemmnu li dan hu pass tajjeb,  għax kieku l-piż fuq dawn il-kategoriji ta’ persuni hu ħafna akbar.

Dawn huma biss ftit minn sitwazzjonjiet li qed jiffaċċjaw katergoriji ta’ persuni. Hemm ħafna aktar x’wieħed jista’ jsemmi. Dawn ma jitranġawx billi tfaqqa’ subgħajk jew biż-żieda għall-għoli tal-ħajja.  Biex nibdew nitrattaw dawn is-sitwazzjonijiet hemm bżonn riċerka dettaljata mifruxa fuq diversi żoni f’pajjiżna.  Wieħed irid jitkellem ma’ kategoriji diversi, ma’ dawk fid-djar tal-anzjani, mal-qraba tagħhom, u ma’ persuni vulnerabbli biex jifhem il-problemi li qed jiffaċċjaw. Problemi li sa issa hemm minnhom li ftit li xejn jissemmew.

Ekonomija

Sport