Kif diġà tħabbar mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol fit-22 ta’ Settembru 2021, l-Accountant General qed iniedi l-ħruġ ieħor tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta għall-individwi li twieldu matul is-sena 1959 jew qabel. L-ammont tal-ħruġ se jkun ta’ €65,000,000 soġġett li l-ammont jiżdied sa massimu ta’ €35,000,000 f’każ li d-domanda tkun aktar mill-ammont tal-ħruġ.
It-termini tal-ħruġ huma simili għat-termini u kundizzjonijiet tat-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta li nħarġu fl-aħħar erba’ snin. Il-bond jgħaddi mgħax b’rata fissa ta’ 3% fis-sena għall-perjodu kollu ta’ ħames snin sakemm idum il-bond, li jimmatura fis-sena 2026. Il-bond se jinħareġ b’parità f’unitajiet ta’ €100 u ma jistax jiġi negozjat, assenjat, trasferit lil xi individwu ieħor jew jingħata bħala rahan.
L-imgħax jitħallas kull sitt xhur b’lura fil-15 ta’ April u fil-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena matul il-kors tal-bond. Detenturi tal-bond jistgħu jiġbdu l-ammont kollu investit qabel id-data tal-maturità soġġet għall-ħlas ta’ penali għal fidwa bikrija ekwivalenti għal tliet (3) xhur imgħax gross fuq il-kapital miġbud bir-rata ta’ mgħax li jgħaddi l-bond.
Applikazzjonijiet minn investituri eliġibbli għall-ammont minimu ta’ €500 sa massimu ta’ €10,000 kull persuna jiftħu fit-8:30 a.m tal-Erbgħa, id-29 ta’ Settembru 2021 u jagħlqu fis-2:30 p.m. tal-4 ta’ Ottubru 2021 jew qabel fid-diskrezzjoni tal-Accountant General.Is-sottoskrizzjonijiet fil-bond iridu jsiru f’isem applikant wieħed biss.
Applikanti eliġibbli ġodda tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta magħmula minn (i) individwi li twieldu fis-sena 1959 u (ii) individwi li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar tal-1959 li kienu eliġibbli li japplikaw fil-ħruġ tat-62+ Malta Government Savings Bonds tas-snin ta’ qabel iżda għal xi raġuni m’applikawx, jistgħu jniżżlu l-formola minn fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor (www.treasury.gov.mt) jew jiksubha minn u jissottomettuha għand xi waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati jew fornituri oħra awtorizzati ta’ servizzi ta’ investment. L-allocation policy se tagħti preferenza lill-applikanti l-ġodda li sa issa għadhom ma investewx fit-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta.
L-individwi li pparteċipaw f’xi ħruġ tat-62+ Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta ta’ qabel huma wkoll eliġibbli li japplikaw. Għalhekk dawn l-individwi se jirċievu ittra ta’ tagħrif flimkien ma’ formola ta’ applikazzjoni bid-dettalji tagħhom mingħand l-Accountant General. Id-detenturi eżistenti tat-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta li huma interessati li japplikaw għall-ħruġ il-ġdid tat-62+ Savings Bondgħandhom jissottomettu l-applikazzjoni għand xi waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji awtorizzati jew fornituri oħra awtorizzati ta’ servizzi ta’ investiment.
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb mill-prospett li issa jista’ jitniżżel ukoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor (www.treasury.gov.mt).