Thursday, February 19, 2026

Informazzjoni kunfidenzjali wasslet għall-arrest ta’ mara mixlija li ffrodat 200 persuna

… aktar persuni qed jirrapportaw li sfaw vittmi ta’ scam

Aqra wkoll

Informazzjoni kunfidenzjali li waslet għand il-Pulizija kienet kruċjali biex tiġi arrestata u mressqa l-Qorti mara ta’ 25 sena u tiġi mixlija li ffrodat mijiet ta’ eluf ta’ ewro mingħand xejn inqas minn 200 persuna li spiċċaw vittmi ta’ scam wara li taparsi għamlitha ta’ rappreżentanta ta’ diversi banek.


Minkejja li din il-mara tinsab mixlija fil-Qorti, lill-pulizija għadhom qed jaslulha aktar rapporti mingħand persuni li huma wkoll setgħu sfaw vittmi ta’ din l-iscam.


Dawn id-dettalji ħarġu fil-Qorti hekk kif quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Tammy Caruana ta’ 25 sena li qed tkun mixlija li kienet il-moħħ wara skema ta’ frodi online f’Malta. Hija qiegħda twieġeb mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontra tagħha.


Fis-seduta tal-Ħamis xehdet l-Ispettur Claire Vella Borg, li hija stazzjonata l-FCID. Hija bdiet billi qalet li lejn l-aħħar ta’ Settembru 2024, il-pulizija bdiet tirċievi diversi rapporti mingħand nies li dak iż-żmien kienu klijenti tal-BOV.


Dawn kollha spjegaw lill-Pulizija li kienu rċevew telefonata minn numru li jixbaħ dak tal-BOV u meta rrispondew kellmithom mara li introduċiet ruħha bħala rappreżentanta tal-bank fejn kienet tuża diversi ismijiet fosthom Rachel, Sarah u oħrajn.


Dawn il-persuni qalu li din il-mara kienet tgħidilhom li kienet għadha kif għaddiet tranżazzjoni jew li kienet on hold u staqsiethom kinux konxji tagħha. Il-vittmi kienu jgħidulha li ma kinux konxji ta’ dan u għalhekk riedu li din titwaqqaf.


Sadanittant, hija kienet infurmathom li kienu se jirċievu messaġġ u allegatament kienet tiggwidahom sabiex jidħlu fil-link u jdaħħlu username, il-first time signature u anke s-second time signature.


L-Ispettur Vella Borg kompliet tispjega li din il-mara kienet assigurathom li t-tranżazzjoni waqfet u t-telefonata kienet tiġi terminata hemm. Il-vittmi kienu qalu wkoll li l-link tal-page li kienu jidħlu fiha kienet tixbaħ ħafna lil dik tal-BOV.


Madankollu, il-vittmi sostnew li mbagħad kienu bdew jirċievu notifiki mill-Bank li fil-fatt kienu qed isiru xi tranżazzjonijiet. Il-Pulizija rat li dawn it-tranżazzjonijiet bdew isiru f’ammonti li kienu inqas minn €5,000. Kien hemm persuni li rrapportaw li kienu saru aktar minn tranżazzjoni waħda.


L-Ispettur Vella Borg kompliet tgħid li l-vittmi kienu wkoll jinfurmaw lill-BOV dwar x’ġara u ma ġarax u dawn kienu jitolbuhom sabiex jagħmlu rapport lill-pulizija. “Kien hemm min irrapporta u oħrajn li damu ma rrapportaw. Sirna nafu min huma l-vittmi u eventwalment wasalna għalihom.”


“Il-Pulizija kienet tkellmet mal-BOV u kienet talbithom sample tal-IP addresses minħabba li dak iż-żmien, l-għadd ta’ vittmi kienu qabżu l-100. Meta tlabna l-IP addresses kienu tawna żewġ tipi ta’ IPs u ġie determinat li IP minnhom kien qed jintuża minnhom lokalment (tal-vittmi) u fl-istess ħin kien jidħol IP ieħor jew mill-Ingilterra, l-Irlanda u t-Turkija fost oħrajn,” qalet l-Ispettur.


Kompliet tispjega li f’nofs Mejju tal-2025 bdew deħlin rapporti mill-APS fejn l-istess persuna kienet qiegħda tkellem lin-nies sabiex tiggwidahom kif ġara fil-każ tal-BOV. Sadanittant, dak iż-żmien kienu baqgħu deħlin rapporti mill-klijenti tal-BOV.


L-Ispettur Vella Borg żiedet li fil-bidu t’Awwissu, il-Pulizija rrikorriet għand l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi fejn iltaqgħu ma’ persuna li b’mod kunfidenzjali qaltilhom li kienet taf min kienet il-persuna femminili wara l-iscam, u qaltilhom li din kienet ma taħdimx, issuq BMW u tathom indirizz tagħha f’Ħal Luqa fejn kienet toqgħod.


Meta l-Pulizija għamlu l-verifiki tagħhom, sabu li f’dak l-indirizz ma kinitx qiegħda tirrisjedi l-akkużata imma persuna oħra li kienet qed tikri proprjetà li kienet ta’ ommha, u li din l-istess persuna ma kellha x’taqsam xejn mal-każ.


L-Ispettur Vella Borg qalet ukoll li l-Pulizija komplew jidħlulha aktar rapporti sakemm fil-25 t’Awwissu 2025, flimkien ma’ dipartimenti oħra, irċeviet email permezz ta’ proton mail fejn ingħataw ħafna dettalji relatati mal-iscam fosthom l-isem, kunjom l-età u x’tip ta’ apparati jew applications l-imputata allegatament kienet qed tuża kif ukoll “l-attivitajiet tagħha fi crypto, dettall reali ta’ kif allegatament kienet qed tagħmel money laundering u min kienu l-vittmi impattati.”
 
“Kienet tagħmel ljieli f’lukandi u tixtri affarijiet tad-ditta”


Minn aktar investigazzjonijiet ġie kkonfermat li Tammy Caruana ħadmet l-aħħar fi Frar 2024, u kellha ċertu mod ta’ kif tkellem lin-nies peress li kienet operator. Il-Pulizija segwiet ukoll is-social media tagħha, fosthom Facebook u Instagram.


“Bdejna naraw tip ta’ ħajja li kienet tgħix. Benefiċċji ma kinitx tieħu. Ma setax ikun issostni ruħha b’dak li kienet tagħmel… tiekol barra, tordna ħafna Bolt u Wolt… tagħmel iljieli ġo lukandi, tixtri affarijiet tad-ditta, tagħmel affarijiet estetiċi, tellgħet post bil-cash f’idejha u għamlet żmien tikri appartament f’Tas-Sliema,” qalet l-Ispettur.


Qalet ukoll li l-imputata deher li kellha kontijiet miftuħa mal-BOV u l-APS iżda li ma kinux jintużaw b’mod frekwenti. Fil-fatt intqal li hija kienet tagħmel aktar użu mir-revolut. “Mill-analiżi tal-kontijiet tar-revout bdejna ninnutaw li din bdiet tagħmel ħafna deposits mill-crypto u ddawwarhom f’ewro,” qalet l-Ispettur.


Żied jingħad li “lejn l-aħħar ta’ Ottubru 2025, ma baqgħux deħlin aktar rapporti mill-BOV imma bdew deħlin rapporti mill-HSBC u l-BNF. Kienet daħlet informazzjoni kunfidenzjali li n-nannu tagħha kien qed iżomm xi flus tagħha għandu.”


L-imputata kienet arrestata fit-2 ta’ Frar li għadda. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija wasslu biex fir-residenza ta’ nannuha nstabu mat-€8,000 fi flus kontanti moħbija filwaqt li minn tfittxija f’appartament fil-Qrendi fejn kienet qiegħda toqgħod l-imputata nstabu iMac, Macbook Air, żewġ iphones kif ukoll apparat ieħor.


“Saret tfittxija f’kull kamra fejn ġew elevati aktar apparati. Staqsejnieha hix lesta tagħti l-password. Hi rrifjutat milli tagħmel dan,” qalet l-Ispettur.


In-nannu tal-imputata kien interrogat mill-pulizija u rrifjuta d-dritt tiegħu għall-assistenza legali qabel ma ta l-istqarrija. Aktar tard tħalla jirritorna d-dar.


Tammy Caruana ġiet mitkellma fit-3 ta’ Frar, fil-preżenza tal-Avukat, u sussegwentement tressqet b’arrest fil-Qorti u baqgħet miżmuma taħt arrest preventiv.


L-Ispettur Vella Borg ippreżentat għadd kbir ta’ rapporti li saru mill-vittmi li jinkludu l-informazzjoni li kienet mitluba lilhom fosthom anke ritratti tal-messaġġ li kienu rċevew bil-link.
Il-każ ikompli.


Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Claire Vella Borg flimkien mal-Avukati Marica Ciantar u Mauro Abela f’isem l-Avukat Ġenerali. Għal Bank of Valletta plc deher l-Avukat Stefano Filetti. Għall-imputata deher l-Avukat Roberto Spiteri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport