Friday, December 13, 2024

Infrastructure Malta bi proġett ta’ €500,000 għat-tisbiħ taż-żona tas-Saqqajja

Aqra wkoll

Infrastructure Malta (IM) għaddejja bl-aħħar xogħlijiet sabiex tlesti l-proġett u ssebbaħ il-belvedere, it-taraġ u l-bankini fiż-żona tas-Saqqajja, fir-Rabat. Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ madwar €500,000.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, fil-preżenza tas-Sindku tal-Imdina, Peter Sant Manduca, u tal-Perit Corinne Dimech min-naħa ta’ IM. 

Il-Ministru spjega li dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imdina u x-xogħlijiet qed isiru wkoll f’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali minħabba l-kuntest storiku tal-inħawi u l-bini tal-madwar. Huwa sostna li l-proġett se jkollu impatt mhux biss fuq ir-residenti imma anke fuq in-negozji taż-żona li għandha valur kulturali u turistiku. 

Il-Perit Dimech spjega li qabel ma bdew jinksew it-taraġ u l-bankini tal-madwar b’ċangatura tal-qawwi, li nġiebet minn Għawdex, inbidlu s-servizzi tal-ilma u l-katusi tad-drenaġġ kif ukoll ġew imtejba s-sistemi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita fl-istess żona. Ġew mgħoddijin ukoll pajpijiet taħt l-art, f’każ li ’l quddiem ikun hemm ħtieġa li jiżdied id-dawl dekorattiv u d-dawl fit-toroq tal-madwar. L-għażla tal-materjali li qed jintużaw f’dan il-proġett saret skont rakkomandazzjonijiet li ngħataw mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex ikun assigurat li jintegraw mal-estetika tal-inħawi, partikolarment il-binja storika ta’ Casino Notabile li nbniet fl-1887.

Is-sena li għaddiet, IM lestiet proġett ta’ €1 miljun f’din iż-żona fejn saħħet il-pedamenti tan-naħa ta’ fuq tat-Telgħa tas-Saqqajja u l-bini tal-madwar, fosthom il-binja storika ta’ Sptar Santu Spirtu. Ġew installati kolonni tal-konkos sitt sulari taħt l-art biex fuqhom inbnew pedamenti ġodda. Saru wkoll xogħlijiet fil-parti ta’ isfel tat-Telgħa tas-Saqqajja fejn ġiet installata sistema ġdida ta’ dwal u t-triq sarilha wiċċ ġdid bl-asfalt.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku Peter Sant Manduca sostna li dan l-intervent, li qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-kunsill lokali u Infrastructure Malta, se jeleva ż-żona tat-Telgħa tas-Saqqajja, li titgawda minn numru ta’ residenti u turisti.

Ekonomija

Sport