Friday, November 22, 2024

Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 709 toroq fi tliet snin

Aqra wkoll

Fi tliet snin, sa issa tlestew 709 toroq bħala parti mill-pjan ta’ €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin. Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt li kien qed jagħmel żjara fuq il-lant tax-xogħol fi Triq il-Ġermanja fin-Naxxar.

L-ammont ta’ 709 toroq f’dawn l-aħħar tliet snin ifisser medja ta’ aktar minn erba’ toroq li nbnew ġodda kull ġimgħa. Matul l-2021, sa issa saru 123 triq residenzjali u 71 triq rurali fil-kampanja, filwaqt li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuq aktar minn 50 triq residenzjali u 26 oħra li huma rurali.

Il-Ministru Ian Borg beda billi rringrazzja lill-ħaddiema ta’ Infrastructure Malta, mill-professjonisti sal-ħaddiema tal-id tal-kuntratturi, tax-xogħol tant importanti li qegħdin jagħmlu. Huwa fakkar kif dawn ix-xogħlijiet mhux għaddejjin f’iżolament għaliex fl-istess waqt għaddejjin interventi maġġuri f’postijiet strateġiċi, bħal ma kien il-proġett tal-Marsa Junction u bħalissa l-proġett tas-Central Link u dak tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection fost oħrajn, apparti dawk marittimi bħax-Shore to Ship.

Waqt iż-żjara tiegħu fi Triq il-Ġermanja, fiż-żona magħrufa bħala tas-Sagħjtar fin-Naxxar, il-Ministru spjega kif Infrastructure Malta, apparti x-xogħol ta’ asfalt, ħafna drabi qiegħda tintervjeni billi tbiddel ukoll bosta sistemi taħt l-art bħal pajpijiet tal-ilma, katusi ta’ drenaġġ, cables tal-elettriku u anke tagħmel storm water systems. F’din iż-żona sa issa Infrastructure Malta lestiet sebgħa minn 13-il triq.

Il-Ministru Ian Borg fakkar kif il-poplu Malti u Għawdxi kien ivvota favur ħidma infrastrutturali bla preċedent fl-2017, u sostna kif issa kulħadd qiegħed jara din il-ħidma u jgawdi minnha.

Preżenti waqt din iż-żjara kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta l-Inġ. Fredrick Azzopardi flimkien mat-tmexxija tal-istess aġenzija, kif ukoll is-Sindku tal-lokalità tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami.

Sport