Infrastructure Malta qalet li sa mit-twaqqif tagħha fl-2018, qatt ma kkunsidrat, iddisinjat jew ippjanat xi bypass road ġdida f’Burmarrad u l-madwar.
Hija qalet dan fi stqarrija b’reazzjoni għal stqarrija għall-midja maħruġa l-Erbgħa wara nofsinhar mill-Prof. Arnold Cassola.
L-aġenzija tat-toroq qalet li l-allegata triq kif deskritta mill-Prof. Cassola ma tidhirx fil-pjanta lokali attwali taż-żona u qatt ma ġiet ippreżentata lill-Infrastructure Malta talba jew proposta għall-ippjanar jew il-bini tagħha.
Infrastructure Malta ttenni wkoll li t-triq kif deskritta mill-Prof. Cassola mhix sostenibbli mil-lat ta’ ġestjoni tat-traffiku u mill-aspett ambjentali. Żiedet tgħid li kieku fil-fatt t-talba saret, kienet tiġi rrifjutata għal kollox.
Infrastructure Malta qalet li għamlet riċerka fuq pjanijiet tal-passat u identifikat pjan tal-1988 għal Burmarrad li fih triq simili għal dik deskritta kienet qed tiġi kkunsidrata minn amministrazzjonijiet preċedenti.

L-aġenzija tat-toroq kompliet tgħid li t-triq indikata sussegwentement ma dehritx fil-2006 North West Local Plan, li tikkonferma li din il-proposta, li tmur lura 33 sena, twaqqfet aktar minn għaxar snin ilu.
