Saturday, October 26, 2024

Infrastructure Malta tniedi proġett għall-Port il-Kbir b’finanzjament ta’ €180 miljun

Aqra wkoll

Infrastructure Malta (IM) varat il-pjan ta’ investimenti tagħha għall-Port il-Kbir għall-ħames snin li ġejjin. Dan ħabbru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ IM Ivan Falzon u l-Perit Janice Borg, il-Kap tat-Taqsima Marittima ta’ IM.

“Il-Port il-Kbir hu mutur ekonomiku għaliex huwa post ta’ konnettività għal pajjiżna fejn fih nirċievu l-materja prima iżda wkoll post ta’ investiment fosthom għall-vapuri tal-merkanzija, cruise liners u niċeċ ekonomiċi oħra. Qatt daqs illum ma rajna daqstant investiment f’perjodu ta’ ftit snin fil-Port il-Kbir. Minn IM biss, se ninvestu madwar €180 miljun, uħud minnhom fondi Ewropej, fuq medda ta’ ħames snin,” stqarr il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru tenna li se jinstab bilanċ bejn xogħolijiet li permezz tagħhom se jivvalorizzaw il-potenzjal tal-Port il-Kbir u li bihom se jilqgħu l-ikbar vapuri, kif ukoll mollijiet ġodda bħala żoni ta rikreazzjoni u l-proġett shore-to- ship li se jnaqqas drastikament l-emissjonijiet.

Huwa żied jgħid ukoll li dawn il-proġetti jimxu id f’id mar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li qed issir mill-Grand Harbour Regeneration Corportation (GHRC).

Il-proġetti ppjanati jinkludu:

  • Il-bini ta’ moll ġdid ta’ 360 metru għall-immaniġġjar tal-merkanzija fiż-żona ta’ Ras Ħanżir f’Kordin.
  • Ir-restawr tal-maħżen industrijali f’Boiler Wharf fl-Isla.
  • Permezz ta’ proġett ta’ €25 miljun, qed jiġu estiżi l-mollijiet ta’ Pinto 4 u 5 u qed jinbena ukoll mill-ġdid il- moll ta’ Lascaris. B’dan il-proġett ser jiġi ffurmat moll kontinwu ġdid fiż-żewġ żoni, b’tul ta’ 350 metru.
  • Investiment fl-ambjent fiż-żona madwar il-Port il-Kbir permezz taż-żewġ proġetti tas-shore-to-ship. Bl- implimentazzjoni ta’ proġett tal-mollijiet tat-Tramuntana u f’Boiler Wharf ser inkunu qed innaqqsu 90% tat- tniġġiż fil-Port mill-emissjonijiet tal-vapuri.
  • L-aħħar fażijiet tal-proġett ta’ €5 miljuni jinkludu li tiġi rriġenerata ż-żona ta’ Sally Port, il-Birgu, bi promenade ġdid li se jkompli jestendi l-passaġġi pedonali max-xtut tal-Kottonera.

“IM se tkompli għaddejja b’ħidma kontinwa biex matul din is-sena naraw l-ewwel frott tal-proġett ambjentali li bih il-vapuri l-kbar bħal cruise liners ser jkollhom il-possibbiltà li jitfu l-magni waqt li jkunu sorġuti fil-Port. Fl-istess waqt ser nagħtu bidu biex iktar mollijiet fin-Nofsinhar tal-Port jiġu attrezzati b’sistemi adegwati biex bl-istess mod vapuri tal-merkanzija jkunu jistgħu jaqbdu mal-grid nazzjonali u jitfu l-magni. Fost l-oħrajn dan il-proġett ser ikun qed jinkludi faċilitajiet ta’ shore connection għall-cruise liners li jkunu għat-tiswija f’Palumbo,” spjega lvan Falzon.

Ġie spjegat ukoll li matul l-aħħar sena tnaddfu żoni eżistenti tal-Port minn materjal ikkontaminat. Fi ftit ġimgħat il-poplu jkun jista’ jimxi mal-kosta tat-tlett ibliet mingħajr ma jkollu jieqaf u jkun jista’ jgawdi x-xenarju tal-Port il-Kbir.

Sport