Tuesday, November 19, 2024

“Ingħaqdu magħna sabiex nagħtu kontribut għal Pink October”

Denise Caruana f’isem il-kumpanija AMAI

Aqra wkoll

Il-kumpanija AMAI li tispeċjalizza fuq servizzi estetiċi ma’ persuni ta’ kull etá, se tkun qed torganizza attivitá ta’ ġbir ta’ fondi bejn il-21 u t-22 ta’ Ottubru li ġej bħala parti mill-kampanja nazzjonali li għaddejja bħalissa relatata mal-Pink October. 

AMAI qed toffri trattament b’xejn għal dik il-persuna li għadha kemm għaddiet minn trattament kontra l-kanċer tas-sider. F’dan it-trattament, magħruf aħjar bl-Ingliż bħala mastectomy, jitneħħew xi partijiet interni mis-sider tal-mara sabiex jitneħħa għalkollox il-kanċer ta’ ġo fih. 

AMAI qed toffri lil din il-persuna ‘l hekk imsejħa breast reconstruction surgery, operazzjoni li fiha l-mara inkwistjoni jerġa’ jkollha sider. Din l-operazzjoni titwettaq minn 

Dr Liapakis, espert f’dan il-qasam.

AMAI qed titlob lil dawk kollha involuti sabiex jinnominaw lil xi mara li qed tiġi msejħa bħala eroj sabiex tieħu vantaġġ minn dan it-trattament li jkun assolutament b’xejn.

Dan is-sit tkellem ma’ Denise Caruana, waħda mill-ħames diretturi ta’ din il-kumpanija li tispeċjalizza fuq servizzi estetiċi u li għandha fi ħdanha grupp ta’ professjonisti f’dan il-qasam.

“Riedna nkunu parteċipi f’din l-inizjattiva speċjalment f’dan iż-żmien fejn il-Pink October tqajjem ċerta kuxjenza dwar il-bżonn li wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu.”

“Qed insejħu lill-pubbliku biex minn issa jgħin sabiex jiġbor fondi għal Pink October u b’hekk ngħinu sabiex ikun hawn aktar fondi għar-riċerka dwar il-kanċer.”

Caruana qalet li bejn il-Ġimgħa 21 u s-Sibt 22 t’Ottubru se jkun hawn attivita liema bħalha fejn persentaġġ mill-qligħ li jinġabar fuq servizzi tas-sbuħija fosthom tax-xagħar u trattamenti oħra, jingħata lil Pink October.

“Din hi inizjattiva nobbli li qed nidħlu għaliha b’entużjażmu kbir. Se tkun attivita’ unika fejn fiha se jkun hawn ukoll spettaklu fosthom mużika, workshops, konsultazzjonijiet, skonti relatati ma’ Pink October u kif ukoll ikel u xorb.”

AMAI qed toffri wkoll skontijiet oħra meta persuna tixtri oġġetti mill-ħanut tagħha bix-xerrej li bl-akkwist tiegħu se jkun qed jagħti persentaġġ ta’ donazzjoni għal din il-kawża ġusta.

Caruana tkellmet ukoll dwar l-inizjattiva li bħala bord tad-diretturi ħadu sabiex persuna li għadha kemm fieqet mill-marda tal-kanċer ikollha ċ-ċans terġa’ tibni ħajjitha bil-mod.

“Kif għedtlek, aħna se nkunu qed ngħinu lil dik il-mara partikolari li għadha kemm għamlet mastectomy u li tixtieq li jerġa’ jkollha s-sider. Bħalma nafu din il-parti tal-ġisem tagħmel il-mara aktar kunfidenti fiha nnifisha.”

“Aħna qed noffru din ir-reconstruction surgery li tkun koperta minn AMAI u mid-donazzjonijiet kollha li jidħlu. Irrid ngħid li hawnhekk qed nitkellmu fuq spiża ta’ madwar €3000 iżda aħna kuntenti li nagħtu l-kontribut tagħna waqt Pink October.”

Caruana qalet li ġaladarba din iċ-ċifra ta’ donazzjonijiet tinqabeż, kull flus żejda se jmorru għal Breast Cancer Foundation li wkoll jagħtu kontribut kbir f’dan ir-rigward.

Denise Caruana tixtieq li din l-attivitá tkun suċċess sabiex barra li titqajjem aktar kuxjenza fuq din il-marda, huma jkunu qed jikkontribwixxu sabiex persuna nominata terġa’ tibda ħajjitha mill-ġdid. Hi qed tistieden ukoll xi influencers tal-midja soċjali sabiex bil-kontribut tagħhom, aktar nies jiġu għal din l-attivita’.

Finalment Denise Caruana xtaqet tagħmel l-aħħar appell.

“Ingħaqdu magħna sabiex din l-attivita’ tkun suċċess. Aħna se jkollna ħafna attivitajiet bla ħlas iżda nħeġġeġ sabiex jibdew deħlin id-donazzjonijiet għax nixtiequ nagħtu l-kontribut tagħna għal Pink October.”

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook https://www.facebook.com/AMAI.Malta jew inkella fuq is-sit elettroniku https://www.amai.com.mt/.

Sport