Sunday, December 29, 2024

Ingliż ikkundannat sena ħabs sospiżi wara li nqabad b’9 grammi kannabis

Aqra wkoll

Ingliż ta’ 19-il sena residenti s-Swieqi dalgħodu tressaq il-Qorti wara li nqabad b’9 grammi kannabis.

L-Ispettur Brian Xuereb li mexxa l-prosekuzzjoni qal quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo li kmieni dalgħodu l-pulizija waqqfu ġuvni hekk kif deher jaġixxi b’mod suspettuż. Hu kien qallhom li kien ingħata borża kannabis b’xejn mill-Ingliż.

Il-Pulizija mill-ewwel marru fuq l-Ingliż fejn informawh li kien taħt arrest u wara li saret tfittxija fuqu sabu l-boroż bil-kannabis.

L-Ispettur qal li b’kollox kellu 18-il borża li kollha f’daqqa fihom kien hemm total ta’ 9.68 gramma kannabis.

L-avukat tal-għajnuna legali Mattia Felice qalet li l-Ingliż kien se jammetti l-akkużi kontrih u kien hawn li l-Qorti tatu ċans biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu. Iżda hu mill-ġdid ikkonferma ħtija.

Wara l-ammissjoni l-Qorti sabitu ħati filwaqt li kkundannatu għal sena ħabs sospiżi għal sentejn.

Ekonomija

Sport