Sunday, December 22, 2024

Ingliż mixli bil-pussess ta’ 470 gramma kannabis

Aqra wkoll

Ingliż ta’ 20 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli bil-pussess ta’ 470 gramma kannabis. 

Josh Hogan residenti San Pawl il-Baħar wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Kien għall-ħabta tal-11.30 a.m. tas-Sibt meta pulizija għall-komunità li kien qiegħed ronda fil-Wardija nnota vettura Ford Transit li dehret suspettuża.

Wara li għamel ftit ħin isegwi l-vettura, il-pulizija waqqafha fi Triq il-Fortizza. Hemmhekk huwa talab lix-xufier id-dettalji tiegħu u kien hawn li r-raġel beda jaġixxi b’mod suspettuż. 

Għaldaqstant saret tfittxija fil-vettura u fuq in-naħa ta’ wara nstabet borża sewda u fiha kien hemm żewġ boroż trasparenti mimlija sustanza suspettata kannabis. Minnufih, intalbet lassistenza tal-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra fejn minn aktar tfittxijiet li saru fil-vettura nstab miżien żgħir kif ukoll diversi boroż żgħar tal-plastik. 

Aktar tard saret tfittxija fir-residenza taż-żagħżugħ fejn instabu erba’ mobiles u ammont ta’ flus kontanti.

Huwa tressaq ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li għadha ma eskludietx l-involviment ta’ terzi f’dan il-każ.

Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Andrew Agius. L-Avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca dehru għal Hogan.

Ekonomija

Sport