Friday, January 9, 2026

Inġustizzja li għandha tiġi indirizzata 

Aqra wkoll

“Wara ħamsa u għoxrin sena fil-Korp tal-Pulizija, uffiċjal ikun intitolat għal pensjoni tas-servizz. Madankollu, meta jasal għall-età tal-pensjoni tal-kontribuzzjonijiet (bolol), dan l-istess uffiċjal ma jingħatax il-pensjoni sħiħa li tirrifletti l-kontribuzzjonijiet imħallsa tul is-snin, iżda jingħata biss porzjon minnha, minħabba l-fatt li jkun diġà qed jirċievi pensjoni tas-servizz. Din is-sitwazzjoni hija inġusta.”

Hu qalu l-Police Officers Union fi stqarrija li ħarġu dwar is-sitwazzjoni preżenti għal uffiċjali tal-Pulizija li jaslu għall-età tal-pensjoni tal-kontribuzzjonijiet (bolol).

L-istqarrija tgħid li “l-Pulizija jiddedikaw għexieren ta’ snin minn ħajjithom għas-servizz u l-protezzjoni tas-soċjetà, ħafna drabi b’sagrifiċċji personali kbar. Li dawn l-uffiċjali jiġu ppenalizzati aktar tard fil-ħajja minħabba li jkunu diġà kisbu pensjoni tas-servizz ma jirriflettix b’mod xieraq id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċju tas-servizz mogħti minnhom.”

L-Unjin tal-Pulizija Pou-Gwu ilha għal diversi xhur taħdem b’mod attiv sabiex din l-inġustizzja tiġi indirizzata. Din hija kwistjoni li ghandha tinsab soluzzjoni ġusta li tirrispetta s-snin twal ta’ servizz mogħtija mill-uffiċjali tagħna.

Il-ġustizzja lejn l-uffiċjali tagħna m’għandhiex tieqaf mal-irtirar.

“Il-Police Officers’ Union diġà kellha taħditiet mal-Ministru tal-Intern u, fil-fatt, fil-jiem li ġejjin hija skedata laqgħa oħra mal-Ministru Dr Byron Camilleri. Barra minn hekk, saret talba uffiċjali għal laqgħa mal-Prim Ministru,” itemm tgħid l-istqarrija tal-Police Officers Union.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport