Sunday, December 22, 2024

“Inħallu lill-poplu jiddistingwi bejn il-ħidma tagħna u l-oppożizzjoni li tibqa’ ssabbat saqajha”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Koppji bi dħul baxx se jkunu ngħataw kważi €400 minn miżuri ta’ għajnuna

Il-Prim Ministru Robert Abela semma’ kif għar-raba’ sena konsekuttiva dan il-gvern qiegħed jinċentiva l-bżulija bir-rifużjoni tat-taxxa. Mhux biss in-nies irċevew it-tieni sett ta’ vawċers, iżda bi prinċipju ta’ min jaqla’ l-anqas jieħu l-akbar ammont, qed jitqassmu għotjiet li jvarjaw bejn €45 sa massimu ta’ €95.

“Din is-sena fejn il-koppja taħdem u għandhom qliegħ baxx se nkunu tajnihom kważi €400, jew l-ekwivalenti ta’ ġimagħtejn il-paga minima meta tgħaqqad ir-rifużjoni tat-taxxa u l-vawċers flimkien f’miżura li minnha se jibbenefikaw minnha mal-250,000 ħaddiem bi spiża ta’ aktar minn €17 miljun”, spjega Abela.

Abela sostna li dawn il-flus huma investiment u li s-sabiħ tal-politika progressiva huwa li miżura bħal din ikollu effet mifrux. Il-Prim Ministru żied jgħid li skont ir-riżultati tal-fond konsolidat f’Awwissu kellna l-ogħla dħul tal-gvern fl-istorja għal dan ix-xahar.

Abela sostna li dan huwa gvern li jwiegħed dak li jwettaq bi pjan. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li jekk f’Lulju pajjiżna rreġistra rekord ta’ qgħad baxx, il-ħidma ma kinitx tieqaf hemm biex xahar wara tħabbar li l-qgħad kompla nieżel u dan juri li gvern Laburista jaħdem biex it-tajjeb jinżamm u jitjieb fuqu.

Rigward l-inizjattiva tat-62+ Savings Bond, il-Prim Ministru qal li din hija waħda minn kullana ta’ għajnuniet li permezz tagħhom l-pensjonanti qed jiġu megħjuna biex itejbu d-dħul tagħhom. Hawnhekk huwa qabbel dawn l-inizjattiva ma’ żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista u fakkar li mhux biss ma kinux jeżistu tali inizjattivi, iżda saħansitra ż-żidiet fil-pensjonijiet ta’ sena wara l-oħra kienu biss ħolma għall-pensjonanti.

Il-Prim Ministru ma naqasx milli jikkummenta dwar l-attivitajiet politiċi miż-żewġ partiti fl-aħħar jiem. Abela qal li d-differenza bejn il-gvern u l-oppożizzjoni tidher ċara bi gvern miftuħ għall-kritika u partit fl-oppożizzjoni li minkejja li baqa’ mhux fdat qiegħed ikompli jsabbat saqajh u jibgħat messaġġ li kulma jagħmel hu biss hu tajjeb u li ta’ ħaddieħor huwa kollu ħażin. Hawnhekk żied jagħmilha ċara li la hu bħala Prim Ministru u lanqas il-Partit mhuma se jinżlu f’dik it-triq u li se jħallu lill-poplu jiddeċiedi abbażi tal-inizjattivi u l-proġetti li se jkomplu jtejbu l-ħajja tagħhom.

Ekonomija

Sport