Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l imhabba tieghek lejn il basketball?
L-imħabba tiegħi lejn dan l-isport tant sabiħ bdiet ta’ etá ċkejkna, ta’ madwar erba’ jew ħames snin. Missieri minn dejjem kien involut f’dan l-isport u hu rawwimli din l-imħabba kbira u passjoni li llum iġġiegħlni nqatta’ sigħat twal bejn il-courts ta’ Ta Qali u l-Luxol.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala plejer.
Kif għidna, l-esperjenza tiegħi bħala plejer bdiet kemmxejn kmieni, mat-tim ta’ Depiro fejn qattajt 24 sena fejn fihom lgħabt f’kull kategorija possibli. Wara dan jiena wkoll lgħabt għal tliet snin ma’ Athleta kif ukoll l-aħħar sentejn tal-karriera tiegħi ma’ Hibernians. F’dawn is-snin kelli x-xorti li nilgħab ma’ plejers ta’ livell assolut bħal Michael Naudi u Chad Patus kif ukoll li nkun ikkowċjat minn kowċis ta’ livell għoli bħal Mario Tabone u Joe Galea fost l-oħrajn. Barra min hekk għamilt ħbiberiji li ħa nibqa’ ngħożżhom għal ħajti kollha, għax wara kollox dan l-isport tani ħafna ħbieb li jibqgħu għal dejjem.
Madankollu, naħseb li l-isbaħ esperjenzi dejjem kienu dawk mat-tim nazzjonali Malti. Li tilbes il-flokk ta’ pajjiżek huwa dejjem unur u l-esperjenzi kemm mat-timijiet ta’ taht is-16 u t-18-il sena, kif ukoll dawk mat-tim nazzjonali tal-kbar, qatt ma jintesew.
X’unuri maġġuri rbaħt bħala plejer?
Bħala plejer irbaħt diversi titli kemm bħala tim kif ukoll individwali. Bħala tim irbaħt il-kampjonat ma’ Hibernians u diversi unuri oħra ma’ Hibernians, Athleta u Depiro kemm fil-kategorija tal-kbar kif ukoll fil-kategoriji taż-żgħażagħ. Fost oħrajn irbaht ukoll l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-Ewwel Diviżjoni għal darbtejn. Barra minn hekk, irbaħt diversi midalji mat-tim nazzjonali tal-kbar, bl-iktar unur importatni ikun il-midalja tad-deheb li rbaħna fil-FIBA European Championships for Small States ġewwa San Marino fis-sena 2018.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala kowċ.
Il-passjoni lejn il-logħba tal-basketball minn dejjem wasslitni li nikkowċja u sa minn etá żgħira ta’ madwar 16-il sena, kont diġá ngħin ġewwa n-nursery ta’ Depiro. Biss wara li rtirajt minn plejer, l-idea li nkompli fil-logħba bħala kowċ kienet hemm minn dejjem. B’xorti nista’ ngħid li sibt dan il-grupp ta’ tfajliet li mill- etá tenera ta’ 12 u 13-il sena dejjem emmnu fit-tagħlim tiegħi u llum li saru tfajliet ta’ 16, 17-il sena, qed isarrfu kemm f’unuri fil-kategoriji rispettivi tagħhom imma wkoll fil-kategorija tal-kbar ma’ Luxol.
X’differenza ewlenija hemm bejn li tkun plejer u kowċ?
Meta tikkonsidra il-logħba nnifisha, li tkun plejer, tista’ tgħid li għandek impatt dirett fuq l-andament tal-logħba, fejn deċiżjonijiet li tieħu fuq il-court iħallu impatt immedjat fuq ir-riżultat. Meta tkun kowċ, l-impatt tiegħek huwa kemmxejn inqas għaliex jiena nemmen li l-logħba hija tal-plejers u xogħolna l-kowċis huwa dak li niggwidaw u ngħinu lill-plejers jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet possibli fuq il-court.
Madankollu, naħseb li r-responsabbiltá ta’ kowċ hija kemmxejn ikbar. Bħala kowċ, wieħed għandu d-dmir li jagħmel minn kollox biex il-plejers tiegħu ikollhom l-aħjar wiejiet possibli u dan billi jagħtihom l-għodda tekniċi u tattiċi, kif ukoll l-ambjent adatt, biex huma jesprimu l-kapaċitajiet tagħhom bl-aħjar mod possibli. Ovvjament, din mhix ħaga faċli u għalhekk nemmen li tkun kowċ jirrikjedi ħafna ħidma wara l-kwinti u studju kontinwu ta’ kif wieħed jista’ jħalli impatt pożittiv fuq il-plejers fi ħdan it-tim tiegħu.
Kif qed tħares lejn ir-rwol gdid tiegħek bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-basketball 3×3?
L-ewwel ħaġa ngħid grazzi lill-Malta Basketball Association (MBA) għall-fiduċja li uriet fija bl-assenjazzjoni ta’ dan ir-rwol. Il-basketball 3×3 huwa format kemmxejn differenti mill-basketball konvenzjonali u wara l-esperjenza li kelli sentejn ilu mal-kowċ Angela Adamoli waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 ġewwa Malta, interessajt ruħi ħafna f’dan l-isport kemmxejn innovattiv. Il-logħba hija ferm iktar veloċi u l-azzjonijiet huma kontinwi b’ħafna intensitá li jagħmel it-3×3 basketball sabiħ ħafna biex wieħed isegwi. Din l-esperjenza inħares lejha bħala waħda impenjattiva meta tikkunsidra li ħa tkun l-ewwel darba għalija fl-ambitu ta’ 3×3 basketball, peró nemmen li t-tagħlim u l-esperjenza li ħadt mingħand xi ħadd bħal Angela Adamoli, li hija Champion tad-Dinja ta’ dan l-isport, se jgħinni bis-sħiħ biex naqdi dmiri bħala kowċ bl-aħjar mod possibli. Ovvjament, huwa dejjem ta’ unur għalija li nirrapreżenta lil pajjiżi u flimkien mal-plejers, jiena ċert li ħa nagħmlu minn kollox biex inġibu unur lil pajjiżna u lil dan l-isport li tant inħobbu.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Luxol.
Bħala kowċ ta’ Luxol din is-sena kienet waħda kemmxejn impenjattiva fejn kont il-kowċ ta’ tliet kategoriji differenti – dik tat-tim tal-kbar, tat-tim ta’ taħt it-23 sena u t-tim ta’ taħt id-19-il sena. Fortunatament, it-tliet timijiet huma magħmulin minn nukleu ta’ plejers li għadhom taħt id-19-il sena u għalhekk ħdimna prinċiparjament bl-għan li ntejbu l-kapaċitajiet tekniċi u tattiċi tagħhom li għandhom isarrfu wkoll fil-futur.
X’tikkummenta fuq l-andemaent tat-tim matul l-aħħar staġun?
L-istaġun tagħna għadu kemm spiċċa u nista’ ngħid li kellna staġun sodisfaċenti fejn ilħaqna żewġ tragwardi minn tlieta li konna ipprefissajna fil-bidu tal-istaġun. Irnexxielna nirbħu kemm il-kampjonat ta’ taħt id-19-il sena kif ukoll dak ta’ taħt it-23 sena, fejn tlifna partita waħda biss fiż-żewġ kategoriji. Fil-kategorija tal-kbar irnexxielna naslu sa żewġ finali tat-Tazzi imma sfortunatament fallejna li nkunu fil-finali tal-kampjonat u dan nistgħu ngħidu li kien ta’ dizappunt għalina, għalkemm nemmen li kemm Starlites kif ukoll Depiro kien ħaqqhom ikunu fil-finali.
Xi ħaġa pożittiva minn din is-sena hija li kellna diversi tfajliet ta’ etá ta’ 16 u 17-il sena li għamlu d-debutt tagħhom fil-kampjonat tal-kbar u ħadu minuti importanti anke fil-logħbiet deċiżivi, li eventwalment se jiswewna fis-snin li ġejjin.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bhala kowċ tat-tim nazzjoali tan-nisa ta’ taħt is-16-il sena u t-18-il sena.
Meta l-Malta Basketball Association avviċinatni biex nieħu r-rwol ta’ kowċ ewlieni ta’ dawn iż-żewġ kategoriji jiena mil-ewwel aċċettajt għaliex minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li mmexxi tim nazzjonali. Personalment, jogħġobni ħafna naħdem ma’ plejers ta’ dawn l-etajiet għax nemmen li l-iżvilupp tekniku u tattiku tal-plejers f’dawn l-etajiet huwa essenzjali biex eventwalment il-plejers jirnexxu ‘l quddiem. Ovvjament hija sfida kbira meta tikkonsidra li l-preparazzjoni ħafna drabi hija waħda qasira ta’ bejn ħames u seba’ ġimghat qabel il-kompetizzjoni imma l-impenn li jpoġġu dawn it-tfajliet huwa wieħed konsiderevoli u għalhekk jirnexxielna nippreparaw kemm jista’ jkun tajjeb għall-kompetizzjonijiet li jkollna matul is-sajf.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza ta’ dan it-tim nazzjonali ġewwa Ġibiltá u l-Kosovo matul is-sajf li għadda?
Bħala l-ewwel esperjenza tiegħi, nista’ ngħid li kienet waħda pożittiva ħafna speċjalment mat-tim ta’ taħt is-16-il sena, fejn għalkemm konna tim b’ħafna plejers ta’ etá iżgħar, irnexxielna naslu sal-finali għall-bronż u konna kemmxejn sfortunati li tlifna l-midalja għal żewġ punti biss. Esperjenza li żgur ħa tiswina tajjeb għal din is-sena fejn se nkunu tim li flimkien kbirna sena u nispera li nitgħallmu mill-iżbalji tas-sena l-oħra.
L-esperjenza mat-tim ta’ taħt it-18-il sena kienet waħda agro-dolċi. Il-grupp tagħna kien impenjattiv ħafna fejn sibna lil Kosovo u lil Ċipru u għalkemm lgħabna tajjeb speċjalment kontra l-Kosovo, spiċċajna fuq in-naħa telliefa fiż-żewġ partiti. Madankollu, irnexxielna nispiccaw fis-sitt post ġenerali. L-iktar ħaġa negattiva kienet li kellna numru ta’ injuries sfortunati kemm qabel kif ukoll waqt it-tournament li għamlu l-esperjenza ftit morra.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.
Bħal kull ħaġ’oħra fil-ħajja, is-suċċess jintlaħaq biss billi wieħed jaħdem u jistinka kemm jiflaħ mingħajr qatt ma jaqta’ qalbu. Għalhekk, inħeġġeġ bis-sħiħ liż-żgħażagħ fl-isport tagħna biex qabel kollox isibu l-ħin biex jitħarrġu mhux biss fi ħdan il-klabbs, iżda wkoll b’mod individwali. Inħeġġiġhom ukoll biex jiġu ġewwa l-Padiljun tal-Basketball Ta’ Qali jaraw il-logħob, għax hekk jistgħu jitgħallmu iktar minn plejers oħra kif ukoll ikabbru l-ħbiberiji tagħhom fi ħdan dan l-isport.