Il-Gvern se jibqa’ joffri l-istabbiltà, partikolarment fil-prezzijiet tal-enerġija, fejn bis-saħħa tas-sussidji l-familji qed jingħataw l-opportunità li jippjanaw il-futur tagħhom, kif ukoll in-negozji qed jingħataw serħan il-moħħ li jkollhomx inċertezza ta’ għada x’se jkun il-kont tad-dawl. Din hija garanzija illi l-politika tal-Gvern dwar is-suq tal-enerġija se tibqa’ dik li jagħti l-istabbilità sakemm dan ikun meħtieġ.
Il-Prim Ministru Robert Abela li għamel din id-dikjarazzjoni l-Ħadd li għadda, sostna wkoll illi l-miżuri li tħabbru fil-Budget 2025 se jibdew jagħmlu differenza sostanzjali għall-familji minn dan ix-xahar stess, b’żieda fil-pagi permezz tal-akbar tnaqqis tat-taxxi fl-istorja. Dan ifisser li mal-€140 miljun se jibqgħu fil-bwiet tal-familji għax kull ħaddiem mhux se jħallas taxxa fuq l-ewwel €1,000 li jaqa’ fil-paga.
Dan jirrifletti l-ħsieb tal-Gvern li jagħmel il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin dejjem aħjar. Mhux biss bil-benefiċċji soċjali li qed itellgħu liż-żgħir dejjem aktar ‘il fuq imma wkoll f’aspetti oħra, ngħidu aħna bħall-ambjent, b’aktar spazji miftuħa u ħodor u kif ukoll pjanijiet biex it-traffiku jkun immaniġġjat aħjar.
Dan irridu nħarsu lejh fil-kuntest ta’ kriżijiet internazzjonali mhux biss li niżżlu għarkupptejhom ekonomiji oħra imma wkoll biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti armati li għandna kemm fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna li din tal-aħħar wasslet għall-għeluq ta’ tranżitu tal-provvista tal-gass Russu lejn l-Ewropa, li aktarx twassal għal prezz ogħla tal-gass.
Madanakollu, matul din is-sena, inħarsu lejn is-sena 2025 b’ottimiżmu li sfidi ġodda oħra jiġu indirizzati u dan għax pajjiżna huwa b’saħħtu ekonomikament, tant li l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed jistmaw li Malta jkollha fost l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. It-tkabbir ekonomiku huwa essenzjali biex ikompli jikber u jitqassam il-ġid fosthom b’żidiet fil-pensjonijiet u benefiċċji oħra.
Għan ieħor li l-Gvern se jaħdem fuqu u li dalwaqt se joħroġ dokument ta’ konsultazzjoni pubblika huwa dak tal-Labour Migration Policy, biex jisma lill-istakeholders u b’hekk in-negozji ta’ rieda tajba jiġu inċentivati fl-istess waqt li ma jitħalla ħadd jabbuża fir-rigward ta’ ħaddiema barranin.
Dawn l-għanijiet kollha jitħaffu fit-twettiq tagħhom jekk il-poplu jkun magħqud u jiġbed ħabel wieħed.