Wednesday, July 24, 2024

Inħarsu il-lingwa Maltija

Aqra wkoll

Nifhmu li meta wieħed jiġi biex jittraduċi dokumenti fl-Unjoni Ewropea minħabba l-ammonti ta’ dokumenti li jinħarġu u anke l-ammont ta’ laqgħat li jkun, mhux dejjem hu faċli li ssib tradutturi biex jaqilbu dak miktub jew dak li jkun qed jingħad għal lingwa Maltija. Dan nifhmuh, imma daqstant ieħor ninsistu li għandu jkun hemm sforzi ma jaqtgħu xejn biex dan is-servizz mhux biss jibqa’ jingħata imma jitjieb.

Bħala poplu għandna nkunu kburin bil-lingwa tagħna. Nemmnu li l-messaġġ kemm mill-awtoritajiet li jmexxu l-pajjiż, kemm mill-politiċi u anke mill-politiċi Maltin fl-Ewropa, għandu jkun wieħed ċar. Dak li jippromwovi l-lingwa Maltija. Li naraw li l-lingwa ma’ titwarrabx. Nifhmu li ħaddieħor jista’ jasal li jwarrab il-lingwa tagħna, imma żgur li m’għandniex inkunu aħna stess – il-Maltin li nwarrbuha.

Qegħdin ngħidu b’rabta ma’ dak li seħħ fl-aħħar jiem. Filfatt proprju ftit jiem ilu matul sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew kien tqajjem punt ta’ ordni meta wasal vot dwar deċiżjoni biex il-Parlament Ewropew ikompli jestendi għal ħames snin oħra d-deroga mill-obbligu li għandu biex jassigura li l-lingwi kollha uffiċjali tal-Unjoni jkunu jistgħu jintużaw fil-kumitati.

Il-punt tqajjem mill-Parlamentari Alex Agius Saliba. Tqajjem għax hu ħass li ma saru l-ebda sforzi mill-Parlament biex tissolva il-problema. Fi kliemu stess “ma jistax ikun li ma kienx hemm mezzi biex tkun indirizzata din il-kwistjoni għal għoxrin sena sħaħ.”

Alex Agius Saliba ma waqafx hemm u argumenta li “jiskanta kif bi President Maltija li setgħet faċilment tara li ssaħħaħ l-impenn tal-Parlament biex tinstab soluzzjoni, xorta bqajna fejn konna. Huwa ċar daqs il-kristall li dan huwa kompletament kompitu tal-Parlament Ewropew li Metsola tmexxi, u allura bla dubju li kulħadd dawwar ħarstu lejha u saqsa għalfejn ma għamlet xejn. Minkejja li kellha r-responsabbilta’ li tara li tissolva din il-kwistjoni għax huwa obbligu tal-Parlament Ewropew, ngħid jien kellha wkoll obbligu ikbar lejn pajjiżha u lejn in-nies li eleġġewha biex tiddefendi l-lingwa tagħna.”

Irridu nagħmluha ċara li l-lingwa tagħna mhi inferjuri għall-ebda lingwa oħra. Ma nistgħux ma nirrimarkawx li qegħdin naraw sitwazzjonijiet anki f’pajjiżna fejn il-lingwa tagħna intuha bis-sieq jew inwarrbuha. Dan m’għandux ikun.

Ma ninsewx li meta pajjiżna issieħeb fl-Unjoni Ewropea fis-sena 2004, dan sar bil-kundizzjoni li jiġu protetti l-karattersitiċi li jagħmluna Maltin. Malta kienet anke innegozjat favur il-lingwa Maltija.

Imma minkejja dak negozjat, fl-Unjoni Ewropea u anke fil-Parlament, is-sitwazzjoni hi tali Ii mhux kull lingwa hi rispettata ndaqs. Daqt se nkunu ilna għoxrin sena membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea, u daqshekk ilha tingħata l-ġenb il-Lingwa Maltija fil-Parlament Ewropew u f’istittuzzjonijiet oħra Ewropej.

Hemm sitwazzjoni fil-Parlament Ewropew fejn id-Deputati Maltin għadhom ma jistgħux jitkellmu bil-Malti fil-Kumitat Parlamentari. Sitwazzjoni umilianti għad-Deputati Maltin. Għax hi umiljanti li għandek il-lingwa tiegħek, taf li hemm regola ċara tal-Parlament li tgħid li membri kollha tal-Parlament għandhom id-dritt li fil-Parlament jitkellmu bil-lingwa uffiċjali tagħhom.

Biss minkejja li hemm dan id-dritt, hemm regolament ieħor li jipprovdi għal arranġament tranżitorju, f’każ li jekk minkejja li jkunu ttieħdu prekawzjonijiet adegwati, interpreti jew tradutturi għal lingwa uffiċjali ma jkunux disponibbli f’numri suffiċjenti.

Issa dak li ilu jiġri hu wieħed sempliċi ħafna. L-arranġament tranżitorju jidher li sar wieħed permanenti. Għoxrin sena ma tistax tgħid li hu perjodu tranżitorju, anżi bil-kontra. Illum nistgħu ngħidu li saret xi ħaġa permanenti li fil-kumitati id-Deputati Ewropej tagħna ikollhom jitkellmu b’lingwa oħra flok bil-Malti.

Ma nistgħux ma nirrimarkawx li din is-sitwazzjoni fir-rigward tal-Malti ma rat ebda tibdil minkejja li hemm Roberta Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew. Nistaqsuha x’għamlet jew x’sar fuq din l-kwistjoni? Kollox jindika b’mod ċar li l-problemi li kien hemm baqgħu hemm jekk ma marrux għall-agħar ukoll.

Ekonomija

Sport