Waqt il-Laqgħa Ġenerali Straordinarja tat-Taqsima GWU Marittima u Avjazzjoni, Jurgen Azzopardi nħatar uffiċjalment bħala Segretarju ġdid ta’ dan it-Taqsima. Huwa se jkun qiegħed jieħu post Sandro Vella li kien ilu f’din il-kariga għal dawn l-aħħar 11-il sena.
It-Taqsima GWU Marittima u Avjazzjoni tirrappreżenta ħaddiema membri li huma impjegati ma’ firxa wiesgħa fis-settur marittimu u fl-avjazzjoni, fosthom ħaddiema fit-trasport kemm bil-baħar, bl-ajru u bl-art, kumpaniji tal-manutenzjoni tal-ajruplani, persuni li għandhom proprjetà ta’ vapuri lokali u impjegati oħra li jiddependu mill-attività tal-port bħal dawk fil-Malta Freeport Terminals u l-Valletta Gateway Terminals.
Barra minn hekk, it-Taqsima tirrappreżenta wkoll ix-xufiera tat-trasport pubbliku ta’ Malta u ħaddiema f’numru ta’ entitajiet governattivi. Din it-Taqsima tieħu ħsieb ukoll numru ta’ ħaddiema li ġejjin minn pajjiż terzi li jaħdmu fuq laneċ tas-sajd, joperaw kemm fl-ibħra ta’ Malta u anke internazzjonali.
Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li nħatar bħala Segretarju tat-Taqsima, Jurgen Azzopardi rringrazzja lil dawk kollha li tawh l-appoġġ biex illum qiegħed jokkupa din il-kariga u anke lid-delegati u l-membri tal-ħidma tagħhom fuq il-postijiet tax-xogħol.
“F’dawn l-aħħar sentejn kelli privileġġ naħdem fil-qrib ma’ Sandro. Kont involut f’kull proċess li kien għaddej. Kienu sentejn li għallmuni ħafna. Kont involut f’diveri ftehimiet fosthom dawk tal-Freeport u tal-easyJet,” qal Azzopardi.
Huwa semma wkoll kif f’dawn l-aħħar tliet snin kellu l-privileġġ li jservi bħala Segretarju tat-Taqsima Żgħażagħ fi ħdan il-GWU. Tenna li se jibqa’ jkun aċċessibbli għal kulħadd.
Huwa temm billi rringrazzja lil Sandro Vella u awguralu għall-futur tiegħu. “Nirringrazzja lid-delegati, lill-Eżekuttiv, lill-Amministrazzjoni ċentrali tal-GWU, lis-Segretarji li apoġġjawni u lill-membri kollha. Inħarsu ’l quddiem għal aktar ħidma.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja li fisser kif f’okkażjonijiet bħal dawn jiftakru f’dawk l-esperjenzi li jkunu għaddew minnhom u jiftakru f’dawk il-memorji kollha.
“Il-ħidma trid tkompli. Il-unjin hija tan-nies. Ta’ dawk li ġew qabilna, li ġew qabilhom u dawk tal-futur. Il-ħidma li jagħmel kull Segretarju tkun ħidma li tibni fuq ta’ qabilha, għall-futur li jmiss,” qal is-Sur Bugeja.
“Kulħadd jipprova jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Ikun hemm ħafna ħidma tar-rappreżentanti biex il-ftehim kollettiv ikun l-aqwa li setgħu jġibu. Xi ħaġa li jien kburi biha hi li d-delegati tagħna huma eżiġenti ħafna, għax ikunu jridu jilħqu l-aqwa ftehim li jista’ jkun hemm. Dik hi li żżomm il-GWU ħajja, timxi ’l quddiem u ttejjeb il-kundizzjonijiet.”
Is-Sur Bugeja żied jgħid li tkun trejdunjonist hi xi ħaġa li tibqa’ fik. Qal li d-deċiżjonijiet trid teħodhom, u teħodhom bl-aħjar mod possibbli filwaqt li trid tipprova taqdi lil kulħadd, għalkemm ikun hemm ċertu pressjonijiet anke fuq is-Segretarju.
“Wieħed mis-setturi l-aktar li ntlaqat waqt il-Covid-19 kien is-settur tal-avjazzjoni. L-istess kif ġara wara meta l-Air Malta kienet se tagħlaq. Xi ħadd kien joħlom li wara 50 sena, din kienet se tagħlaq? Le. Din hi parti mill-evoluzzjoni tad-dinja tax-xogħol.”
“Nawgura ħidma sfiqa lil Jurgen Azzopardi. M’għandix dubju li se tagħmel biċċa xogħol kbira, għall-ġid tal-GWU, għad-delegati u għall-membri. Lil Sandro Vella nirringrazzjah ta’ dak kollu li għaddejna flimkien. Id-dar tagħna tibqa’ d-dar tiegħek għal dejjem,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.
Waqt din il-laqgħa, sar ukoll diskors qasir mill-President tat-Taqsima Paul Attard filwaqt li Sandro Vella qara r-rapport amministrattiv tat-Taqsima, liema rapport ġie approvat minn dawk preżenti.
Min-naħa tiegħu, Sandro Vella filwaqt li rringrazzja lill-GWU, qal li se jibqa’ jżomm f’qalbu s-snin kollha li għadda jaħdem fi ħdan l-istess unjin.