Tuesday, May 27, 2025

Inħarsu lejn dawn il-Logħob biex forsi nirbħu midalja oħra wara ħafna taħriġ – Nathan Xuereb

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?
L-imħabba tiegħi lejn il-basketball bdiet meta kelli biss tmien snin. Dan meta kont għadni l-iskola, u I-għalliema kienu jqassmulna xi biljetti tal-lotterija. Kont ġejt it-tieni u kont irbaħt ballun tal-basketball u xahar taħriġ. Wara dan ix-xahar xi nies minn tal-kumitat kienu kellmu lil missieri li kelli potenzjal kbir f’dan l-isport u fil-fatt kienu qaluli biex nibqa’ nkompli ninżel nitħarreġ mal-klabb. Minn hemm nista’ ngħid li bdiet l-imħabba tiegħi lejn dan l-isport.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Luxol Basketball Club.
Din kienet it-tieni sena tieghi ma’ dan il-klabb, fejn b’wiċċi minn quddiem nista’ ngħid li kollha kemm aħna qisna familja. Din is-sena kelli l-opportunitá li nikkowċja t-tim ta’ taħt is-16-il sena. Minn hawn nirringrqzzja lil Roderick Vella li emmen fija avolja naf li kelli kif ngħidu ‘big shoes to fill’ meta ħadt tim minn taħt kowċ esperjenzat. Biss peró nemmen li għamilt biċċa xogħol tajba ma’ dawn it-tfal, fejn sirna qisna familja fejn kellna nżul u tlajja … biss fl-aħħar tal-istaġun avolja ma rnexxilniex naslu sal-finali, it-tfal għamlu titjib u dak huwa li jgħodd fl-aħħar mill-aħħar għaliex l-unuri jiġu maż-żmien.

X’tikkummenta fuq l-andament tagħkom matul l-aħħar staġun?
Nemmen li kien staġun pozittiv kemm bħala tim u anke fuq nota personali. Ħafna jghidulek kif kien pożittiv jekk tliftu l-finali? Kien pożittiv għaliex meta tara minn fejn bdejna s-sena l-oħra u tara fejn wasalna dan l-istaġun kien kambjament kbir. Irnexxielna nitilagħu sal-finali tal-John Tabone Cup, fejn nemmen li b’iktar attenzjoni stajna wkoll irbaħniha, kif ukoll irbaħna liċ-champions tas-sena l-oħra fil-logħob tal-play-offs biex wasslitna għall-finali. L-erba’ finali li lgħabna nemmen li tajna spettaklu lil kull min ġie jarana … kienu logħbiet bilanċjati li saħansitra marru għall-‘over time’. Avolja ma rbaħniex xorta nemmen li bħala tim kellna staġun tajjeb li minnu għandna nħarsu ‘l quddiem u nkomplu nikbru.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti sa issa.
F’dawn l-aħħar erba’ snin it-tim nazzjonali rnexxielu jirbaħ waħda bronż u tlieta fidda. Bħala grupp qegħdin grupp tajjeb għaliex kollha nemmnu f’xulxin u nilagħbu għal pajjiżna biex intellgħuh fejn tassew jixraqlu.

Kif qed tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?
Din is-sena l-andament tal-loghob huwa differenti għaliex telgħin nilagħbu l-logħba tat-3v3 li magħha ittella’ erba’ plejers biss, u nemmen li qegħdin grupp vera tajjeb. Tlieta minna ilna nilagħbu flimkien mill-Under 14s allura nafu lil xulxin sew. Inħarsu lejn dawn il-Logħob biex forsi nirbħu midalja oħra wara ħafna taħriġ.

X’suċċessi maġġuri rbaħt fil karriera tiegħek sa issa kemm bħala tim kif ukoll fuq bażi personali?
Irbaħt ħafna unuri imma naħseb li s’issa l-iktar wieħed ghal qalbi huwa l-kampjonat li rbaħt mas-seniors fl-2019 meta kelli biss 17-il sena. Bħala unuri personali rbaħt diversi, MVP fl-Under 14 u 16 u darbtejn wara xulxin fl-Under 19. Irbaħt ukoll l-unur tal-Plejer tax-Xahar mas-seniors fejn kien ta’ unur għalija għaliex irbaħtu fost il-plejers barranin kollha li jilagħbu fil-kampjonat. Irbaħt ukoll il-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni għal tliet snin infila.

Kif tqis il-livell tal-basketball lokali fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is snin?
Il-livell tal-basketball f’pajjiżna nemmen li qed jikber u jitjieb, biss peró għad fadal ħafna xi jsir meta tikkumpara ma’ pajjiżi oħra ta’ tamparna. Meta tara plejers barra minn Malta, tara ħafna plejers professjonali li hawn Malta diffiċli ssir għaliex il-basketball mhuwiex sport li tista’ tagħmlu bħala full-time. Meta tara timijiet nazzjonali oħra ta’ tamparna kollha qegħdin jilagħbu qualifiers ta’ tournaments akbar, timijiet li meta niġu biex nilagħbu kontrihom dejjem irbaħnilhom. Huwa għalhekk li nemmen li għad fadal xi jsir.

U dak tar-riżorsi (Padiljun) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Nistgħu ngħidu illi għandha Padiljun modern fejn ukoll ospita il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, u l-Logħob tal-GSSE. Fil-finali kontra l-Lussemburgu nistgħu ngħidu li l-court kien ippakkjat li lanqas kien hemm fejn toqgħod persuna oħra fih. Biss peró dan il-court flimkien mat-training courts u issa l-courts ta’ barra, xorta mhumiex biżżejjed għaliex dawn qegħdin kollha Ta’ Qali u ma jilħqux in-nies kollha ta’ Malta. Huwa għalhekk tajjeb li jsiru courts madwar il-lokalitajiet tagħna għaliex tiġbed iktar tfal lejn il-logħba.

Kif qed tħares lejn il futur tiegħek fil-basketball? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?
Kif diġá għidt qabel, din is-sena kelli l-opportunitá li nikkowċja t-tim tal-bniet tal-Luxol ta’ taħt is-16-il sena. Nixtieq li għal sena oħra jkolli l-istess opportunitá. Nipprova kemm nista’ nlaħħaq mal-ħajja tal-basketball u l-ħajja personali … ikolli mumenti fejn inkun irrid nieqaf, biss peró meta tara r-riżultati ġejjin jibda ġej is-sodisfazzjon. Għandi familja li tissapportjani f’kollox u huwa dak il-fatt li nibqa’ għaddej u ma naqtax qalbi anke meta jkunu ġejjin l-ostakli.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.
Lil kull min jixtieq jibda jilgħab, ngħdilkom taqtgħux qalbkom … bħalma bdejt jien mix-xejn tista’ tgħid li llum il-ġurnata il-basketball ma nbiddlu ma’ xejn. Id-determinazzjoni u li ma taqtax qalbek huma fatturi li jgħinu biex tkompli tikber f’dan l-isport. Li jkollok min jemmen fik hija l-iktar ħaġa importanti, għaliex meta tkun wasalt f’punt fejn tgħid irrid nieqaf, issib lil ta’ madwarek ikomplu jinkoraġġuk!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport