Saturday, October 26, 2024

INĦARSU LSIEN PAJJIŻNA 

Aqra wkoll

L-arti, il-kultura, l-ilsien u d-drawwiet huma l-pilastri ewlenin tal-identità ta’ poplu. Huma l-ingredjenti li mhux biss isawru imma wkoll li jiddistingwu ġens minn ieħor. Huma wkoll fatturi biex lil kull ċittadin jagħmluh kburi b’pajjiżu u bl-istorja tiegħu.

Bħala poplu Malti għandna storja rikka li tinfirex fuq eluf ta’ snin. Pajjiżna għadda minn ħakma għall-oħra li lkoll ħallew il-marka tagħhom fuqna bħala ġens. Iżda illum, kemm għadna qed nibżgħu għal dak kollu li huwa Malti u li jagħmilna distinti minn ġnus oħra.

Għad hawn familji u ġenituri li f’darhom stess jippreferu jkellmu lil uliedhom b’ilsien ieħor u mhux b’ilsien l-omm li tatna isimha. Ma rridux ngħidu li titkellem b’ilsien ieħor huwa xi negattiva.

Anzi, xejn minn dan. Li wieħed ikun jaf lingwi oħra huwa pożittiv għaliex il-lingwa tirrifletti l-pajjiż li jkun. Il-lingwa minnha nfisha hija mera tal-istorja ta’ kull pajjiż. Il-ħażin imma hi dik is-sitwazzjoni li l-ilsien barrani nużawh b’aktar ħeġġa milli nużaw l-ilsien tagħna. 

Jekk inhu hekk, allura għandna għax nifhmu illi tul is-snin li ilna indipendenti u ħielsa, ikun ifisser li bħala poplu ma tgħallimna xejn. Anki wkoll jekk l-ilsien tagħna l-Maltin huwa l-uniku lsien semitiku fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

L-istampa u x-xandir għadhom kontribut x’jagħti biex insaħħu l-ilsien Malti. Dan jista’ jsir permezz ta’ programmi u kitbiet b’Malti tajjeb li jkomplu jqanqlu interess ħafna f’bosta nies. Hawn ta’ min isemmi illi parti mill-ħsara li qed issir lill-ilsien tagħna ġej anke mill-mezzi soċjali fejn donnu kulħadd qed jikteb kif irid bla ma jagħti każ l-ortografija tal-Malti. 

Il-mod kif ikunu miktuba ħafna ‘posts’ jixhed li min jiktibhom qajla jinteressah jekk hux qed juża tajjeb l-ortografija. L-aqwa li jħarbex biex iwassal il-messaġġ.

Għalhekk, hemm bżonn li l-Maltin, mill-kbir saż-żgħir, jagħrfu japprezzaw iktar is-sbuħija tal-ilsien Malti li huwa l-akbar mezz ta’ identità ta’ poplu.  Jekk nifhmu dan, mhux biss inkunu qed nagħtu ġieħ lill-ilsienna imma wkoll lil dawk missirijietna fosthom Mikiel Anton Vassalli u oħrajn li taw saħħithom biex l-Ilsien Malti jkun fl-istess livell ta’ ilsna oħra.

Sport