Proprju llum ħafna Maltin qed jiċċelebraw il-festa ta’ San Girgor. Tradizzjoni li jingħad li tmur lura ħames sekli u li tiġi mfakkra fil-jum ta’ l-Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir.
San Girgor hija waħda minn bosta tradizzjonijiet antiki f’pajjiżna, u li tiġbed lejha mhux Maltin biss imma anki turisti li jerħulha lejn iż-Żejtun jew Marsaxlokk sabiex iqattgħu l-ġurnata tagħhom qrib il-baħar, b’oħrajn saħansitra jkunu aktar avventurużi u jinżlu jagħmlu l-ewwel għawma tagħhom. Dan huwa sinjal tajjeb għaliex qed iżomm ħajja lil din it-tradizzjoni.
Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid, is-sena l-oħra rajna din il-festa terġa’ tiġi ċċelebrata bil-mod tradizzjonali li konna mdorrijin bih. Għalhekk din is-sena żgur mhux forsi l-festa ta’ San Girgor se terġa’ tattira għexieren ta’ nies lejha, fejn l-attivitajiet ma jonqsux.
Nemmnu li huwa tajjeb li tradizzjonijiet bħal dawn jinżammu għaliex wara kollox bħall-ilsien Malti, jagħtuna l-identità tagħna u jagħmluna differenti minn popli u ġnus oħra. Fil-kuntest ta’ dan kollu, il-Gvern ilu li għaraf il-bżonn li jkun hemm investiment biex nibqgħu nħarsu u nipproteġu dak li hu tagħna u li jsawwar il-karattru tagħna bħala poplu.
Dan qed ngħiduh anke fl-isfond li ftit tax-xhur oħra se jerġgħu jirritornaw il-festi fl-irħula u l-ibliet Maltin. Biex il-festi Maltin ikomplu jissaħħu dejjem aktar, il-Gvern investa xejn inqas minn nofs miljun ewro fi skemi ta’ finanzjament li huma mmirati għal dan il-għan.
Quddiem dan kollu ma nistgħux nibqgħu siekta u ma napprezzawx l-isforzi kollha li qegħdin isiru min-naħa tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali li qed jintervjeni fejn meħtieġ permezz ta’ fondi lokali u ewropej, sabiex ikunu appoġġjati diversi inizjattivi li jkunu proposti mill-każini tal-banda fost organizzazzjonijiet oħra.
Dan kollu jorbot ukoll ma’ kemm għandna nħarsu d-drawwiet tagħna ta’ bħalissa. Drawwiet li sfortunatament xi wħud minnhom għebu u m’għadniex narawhom forsi kaġun tal-progress li seħħ u li tejjeb il-livell tal-għajxien tal-poplu kollu.
F’dan il-kuntest ikun tajjeb li naraw aktar kitbiet minn awturi Maltin dwar drawwietna llum u tal-imgħoddi. Dan biex inkomplu nsalvaw dak li fadal mit-tradizzjonijiet u forsi b’xorti t’hekk jistgħu jerġgħu jinbtu tradizzjonijiet li tlifna matul is-snin.