Luca Colombo huwa wieħed mill-kitarristi l-aktar imfittxija u famuż fil-peniżola Taljana. Hu magħruf sew għall-mod versatili li jkun fuq il-palk u anke fl-istudio tar-recording fejn ikollu kollaborazzjonijiet ma’ mużiċisti, kantanti u gruppi Taljani.
Huwa għamel dawn it-tip ta’ kollaborazzjonijiet mal-aqwa artisti Taljani bħal Gianni Morandi, Ultimo, Eros Ramazzotti, Marco Mengoni, Nek, Max Pezzali, Mango, Anna Oxa u oħrajn.
Huwa daqq bil-kitarra tiegħu f’bosta orkestri waqt programmi televiżivi importanti, inkluż il-festival tal-mużika ta’ Sanremo, u akkumpanja artisti internazzjonali bħal Robbie Williams, Lionel Richie, Al Jarreau, Phil Collins, Leona Lewis, Rebecca Ferguson, Jennifer Lopez, Brian May, Michael Bublè u James Blunt biex insemmu biss ftit.
Colombo hu rikonoxxut ħafna għall-istil personali u versatili tiegħu, Luca huwa kapaċissimu li joħroġ l-emozzjoni u l-espressjoni mużikali tiegħu f’ġeneri differenti bħall-rock, fusion, jazz jew il-pop.
Ix-xogħol oriġinali tiegħu, il-kollaborazzjonijiet kummerċjali, il-biċċiet tal-films u l-wirjiet diretti kienu r-raġuni għala ngħata it-titlu ta’ The Guitarist of The Year fl-okkażjoni tal-FIM Awards 2013. Luca Colombo kellu u għad għandu bosta kollaborazzjonijiet kummerċjali ma’ ditti ewlenin bħal Line6, Yamaha, Vox, Prs Guitars u Ernie Ball.
Bħalissa, Colombo għaddej b’diversi tours ma’ għadd ta’ Artisti Taljani mill-aqwa, mal-banda strumentali tiegħu filwaqt li jgħallem il-kitarra popolari jazz fil-konservatorju ta’ Bergamo.
Colombo kien f’pajjiżna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fejn daqq waqt Rockestra 2025 fil-Malta Fairs and Conventions Centre – MFCC f’Ta’ Qali u din il-gazzetta ħadet l-okkażjoni sabiex toħodlu ftit kummenti.
“Nibda biex ngħid li din mhux l-ewwel darba li ninsab fil-gżejjer Maltin. Ninsab ferm kuntent kull meta niġi msejjaħ biex indoqq hawnhekk għax nara li hawn xi ħaġa speċjali f’dan il-pajjiż. Fil-fatt, ili s-snin niġi hawn u mhux l-ewwel darba li kelli ċ-ċans li ndoqq ma’ xi kantanti famużi Maltin bħal Joseph Calleja li jien inqisu bħala wieħed eċċezzjonali.”
Colombo semma’ l-fatt li l-gżejjer Maltin joffru varjeta’ ta’ divertiment fejn ovvjament meta hu jkun hawn fuq xogħol, iħobb ħafna jmur ftit sal-baħar, li jqisu bħala l-post favorit tiegħu.
Luca Colombo jqis il-kitarra bħala l-ħabiba tiegħu fejn hu u hi dejjem flimkien u mingħajrha jħossu wisq stramb.
“Nista’ ngħid li din il-passjoni u passatemp spiċċat bħala x-xogħol ewlieni tiegħi fejn mhux biss indoqq iżda wkoll ngħallem dan l-istrument tant sabiħ.”
Kellimna lil Luca Colombo dwar l-esperjenza tiegħu fil-Festival ta’ Sanremo. Hu qal li għamel 15-il edizzjoni ta’ dan il-festival prestiġġjuż fejn hu sostna li jħossu onorat li kull darba jiġi msejjaħ biex jikkollabora.
“F’dawn il-35 sena, kelli ċ-ċans naħdem ma’ diversi nies fosthom Adriano Celentano, NEK, Marco Masini u anke Eros Ramazotti biex insemmi xi wħud minnhom. F’dawn is-snin dejjem rajt ħafna affarijiet jinbidlu għalkemm ngħid li l-mużika evolviet sew f’dawn is-snin.”
Iżda x’inhu s-sigriet ta’ kitarrista?
“L-ewwelnett importanti li jkollok attitudni u din tkun kapaċi mhux biss tiżviluppaha iżda wkoll taħdem fuqha. Jekk wieħed jieħu kitarrist prim bħalma kien Jimmy Hendrix, dan kien kapaċi jkun ferm versatili u kien kapaċi jadatta ruħu għal kull stil ta’ mużika. Il-versatilita’ hi s-sigriet ta’ kollox.”
Sadanittant, “Sunderland” hu t-tielet xogħol strumentali solo tal-kitarrist Colombo, jinkludi kompożizzjonijiet oriġinali u cover version ispirati minn vjaġġi u postijiet reali jew immaġinarji, li jistgħu jintlaħqu permezz ta’ atmosferi delikati u kultant enerġetiċi. L-album ġie rrekordjat ma’ tim ta’ nies mill-aqwa li jinkludi lil Lele Melotti fuq id-drums, Paolo Costa fuq il-bass u Giovanni Boscariol fuq il-pjanu. Hemm numru ta’ ispirazzjonijiet mużikali li jvarjaw minn pop, rock, blues u jazz li jitħalltu bl-aktar mod armonjuż.
“Għalija dan ix-xogħol strumentali hu t-tielet wieħed min-naħa tiegħi li ilu għal ħafna snin ippjanat iżda li ħriġtu riċentement. Ġie ppubblikat fuq verzjoni vinyl li llum il-ġurnata sar iktar mfittex minħabba l-laqta klassika li jagħti lill-kanzunetta jew diska inġenerali. Jien kelli din il-motivazzjoni li nipproduċi mill-ġdid “Sunderland” għax bla dubju ġġibli memorji ferm sbieħ.”
Iżda kif qed jarah il-futur tiegħu Luca Colombo?
“Bla dubju li l-futur ħadd ma rah. Mhux xi tip ta’ bniedem li nippjana ħafna fit-tul. Veru li professjonalment dejjem nara liema se jkunu t-tours u anke l-avvenimenti mużikali li jkolli, dik iva. Jien sakemm il-Bambin itini s-saħħa se nibqa’ ndoqq il-kitarra għax dik parti kbira minn ħajti jekk mhux ħajti kollha.”
Hu jgħid li bħalissa għandu kolloborazzjoni ma’ Gianni Morandi filwaqt li jipparteċipa f’xi programmi televiżivi ta’ divertiment. Fil-futur immedjat jixtieq jibqa’ jżomm il-lezzjonijiet li għandu fil-Konservatorju ta’ Bergamo biex aktar żgħażagħ jitgħallmu l-kitarra li hu strument tant imfittex.
Finalment tlabna lil Luca Colombo sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-mużika.
“Wieħed irid jistudja ħafna biex jilħaq kitarrist. Irid jipprova jagħmel ħafna tutorials. Jien ma nemminx bil-kors waħdek fuq il-kompjuter iżda tmur xi skola tal-mużika li żgur mhux forsi tagħtik formazzjoni tajba. Dik hi l-vera mużika li tieħu gost tikteb, tikkomponi u ddoqq! Inħeġġeġ għalhekk aktar nies sabiex jieħdu sehem fil-mużika għax kif jgħidu hi l-lingwa universali.”
Iktar informazzjoni tinsab fuq is-sit elettroniku uffiċjali ta’ Luca Colombo nnifsu, www.lucacolombomusic.com.