Sunday, October 27, 2024

“Inħeġġeġ lill-anzjani sabiex jaqbdu xi sport partikolari … l-importanti li jżommu attivi”

Frans Spiteri

Aqra wkoll

Frans Spiteri għandu 73 sena u f’dawn l-aħħar snin il-ħajja xejn ma rriservatlu mumenti daqstant sbieħ. Tilef lil martu, lit-tifel u aktar tard anke lis-sieħba tiegħu f’temp ta’ ftit żmien.

Bħala bniedem anzjan, faċli li individwu jispiċċa jitħassar lilu nnifsu u jingħalaq fih innifsu wara dak kollu li ġralu. Iżda Frans ma ried bl-ebda mod ikun hekk u f’leħħa ta’ berqa ra kif jagħmel sabiex dik is-solitudni li kien qed jesperjenza tinbidel f’opportunita’.

Beda jipprattika l-powerlifting fejn kien qed jattendi f’gym il-Mosta fejn kien hemm diversi persuni ‘l fuq minn 60 sena li bdew jipparteċipaw f’attivitajiet fiżiċi.

Darba fost l-oħrajn, kien hemm xi rġiel li bdew jerfgħu xi piżijiet tqal u Frans beda josserva bl-akbar reqqa dak li kien qed iseħħ.

“Niftakar li dawn l-irġiel bdew jerfgħu dawn il-ħadid u jien bħal qisni għoġobni xi bdew jagħmlu. L-istess irġiel bdew jiġbduli saqajja fejn qaluli sabiex nerfa’ dawn il-piżijiet iżda jien kont qed nibqa’ xi ftit lura.”

Spiteri qalilna li aktar ma beda jiffrekwenta dan il-gym, aktar beda jagħmel il-kuraġġ u darba fost l-oħrajn iddeċieda li jipprova verament jerfa’ dawn il-piżijiet. Hu f’ħajtu refa’ bosta ġebel u konkos f’xogħlu u li għalhekk bħal qisu dik is-saħħa kienet se terġa’ tiġih.

“Għamilt il-kuraġġ u ddeċidejt li nittanta xortija. Għedtilhom biex jagħmluli 150 kilogramma. Kull min kien hemm fil-gym ma setax jemmen. In-nies aktar ġabu għajnejhom wara widnejhom meta rfajt dawn il-piżijiet. Niftakar li fil-gym waqgħet sikta kbira.”

“Jien ma waqaftx hawn. Għedtilhom biex jagħmluli 160 kilogramm. Oħroġ il-għaġeb anke din id-darba rnexxieli nagħmilha. Kulħadd beda jċapċapli u jtaptapli fuq dahri. Kien irnexxieli nagħmel dak li sa ftit tal-ħin qabel qatt ħadd ma basar.”

Illum il-ġurnata Frans Spiteri qed jieħu sehem f’kompetizzjonijiet lokali fosthom waħda li ħa sehem fiha fit-18 ta’ Ġunju li għadda u oħra li se jkun qed jikkompeti għaliha aktar tard dan is-sajf.

Iżda kif għenu l-isport sabiex jegħleb id-dwejjaq li setgħu ġabuh agħar milli kien?

“L-isport għeni ħafna. Li kieku jien bqajt nitħassar lili nnifsi, naħseb li kont immut. Iżda l-isport tani fiduċja ġdida fil-kapaċitajiet tiegħi apparti li tani skop ġdid f’ħajti.”

Spiteri jammetti li mhux dejjem ikollu aptit li jmur il-gym anke għax il-problemi tal-ħajja xi kultant ikunu lesti biex jegħlbuk. Madankollu ġaladarba joħroġ, jinsa kollox, ifittex imur fil-gym u filwaqt li jagħmel il-warming up, jibda jiffoka sabiex jerfa’ dawk il-piżijiet. Hu jqabbel dawn l-istess piżijiet mal-problemi tal-ħajja fejn meta hu jerfagħhom, iħoss li jista’ jirbħilhom jew aħjar isolvihom.

“Bl-ebda mod m’hu se nħalli dawn il-problemi jegħlbuni. Int trid tkun biex tikkontrolla dawn l-istess problemi. Is-saħħa tiġi waħedha għax tirraġuna li int kapaċi tkun lest għal dak li toffri l-ħajja.”

Illum Frans Spiteri hu bniedem ferm popolari fil-gym fejn jattendi u kulħadd imur ikellmu filwaqt li jammiraw il-mod ta’ kif iħares lejn il-ħajja u kemm kapaċi jagħti pariri tajbin lil dawk li huma iżgħar minnu.

Iżda kif qed jarah il-futur tiegħu Frans Spiteri?

“Jien qed nara l-futur tiegħi nkompli niġġieled mal-ħajja. Lest li nkompli nissielet mal-kurrent għax naf li jekk nagħmel hekk se nirnexxi.”

“Ovvjament ġismi m’għadux bħal meta kelli għoxrin jew tletin sena. Madankollu naf li dan il-ġisem ta’ 73 sena għadu b’saħħtu u jista’ jkompli jagħti l-aqwa tiegħu f’diversi mumenti.”

Spiteri jgħid li bħalissa ma jridx kowċ għax hu jaf ġismu kif jirreaġixxi. B’hekk qed jafda fih innifsu u lest ikompli jagħmel dawk l-isfidi li tant hu magħruf għalihom. Dawk l-isfidi li jħalluh bilwieqfa, ferm attiv u lest sabiex jilħaq aktar objettivi. 

Finalment tlabna lil Spiteri sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk l-anzjani li bħalu daqu l-imrar tal-ħajja iżda sabu l-isport bħala alternattiva għad-dlam li jafu joffru ċerti esperjenzi.

“Inħeġġeġ lill-anzjani sabiex jaqbdu xi sport partikolari. M’hemmx għalfejn bilfors imorru għall-powerlifting bħalma għamilt jien iżda jistgħu jinvolvu ruħhom fil-mixi, jew ġiri jew inkella xi sport tal-ballun. Ikun x’ikun l-isport, l-importanti li jżommu attivi, ma jitħassru qatt lilhom infushom, anzi jaraw x’jista’ jkun il-pass li jmiss sabiex il-ħajja bħal qisu terġa’ tibda mill-ġdid.”

Sport