Friday, January 9, 2026

‘Inħobbok Valentine’s in Gozo 2026’

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar il-programm ‘Inħobbok Valentine’s in Gozo 2026’, li se jittella’ bejn il-31 ta’ Jannar u l-14 ta’ Frar 2026, b’għadd ta’ attivitajiet mifruxa madwar diversi lokalitajiet Għawdxin.

“Dan il-programm isegwi s-suċċess rekord li kellna fi żmien il-festi tal-Milied, kif wegħedna m’aħniex se nieqfu hawn u għaddejjin b’ħidma u sforzi kontinwi sabiex inkomplu nżidu t-turiżmu fix-xhur li tradizzjonalment kienu jkunu relattivament kwieti. B’dan il-mod qed jirnexxilna nagħmlu lil Għawdex l-għażla naturali u gżira ta’ kull staġun. Din kienet waħda mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija Għawdex Gżira ta’ Villaġġi u qed nuru bil-fatti kif qegħdin nimplimentawha fil-prattika,” stqarr il-Ministru Camilleri.

Huwa kompla jispjega li ċ-ċelebrazzjonijiet marbuta ma’ Jum San Valentinu f’Għawdex, li issa saru sinonimi ma’ din il-gżira, se jibdew bil-kunċert popolari Għawdex #Inħobbok, din id-darba bi spettaklu minn The Travellers u se jibqgħu għaddejjin b’numru ta’ attivitajiet kulturali relatati ma’ dan il-perjodu tas-sena. Dawn l-elementi kollha jingħaqdu biex jiċċelebraw l-imħabba fil-forom kollha tagħha.

Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li l-attivitajiet imħejjija għal din is-sena huma mfassla biex jilqgħu lil kulħadd, koppji, familji u ħbieb, u jistiednu lill-pubbliku jimraħ fil-pjazez u fit-toroq tal-irħula Għawdxin. Huwa fakkar ukoll fil-ħidma li saret matul dawn l-aħħar snin biex jissaħħaħ il-kalendarju kulturali tal-gżira u biex tingħata pjattaforma soda u ġenwina lill-artisti. 

“Kburin li x-xogħol li wettaqna qed jagħti l-frott. Il-Belt Kapitali tagħna, ir-Rabat, ġiet magħżula fil-lista finali biex issir il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031, pass li huwa xhieda tat-talent u l-impenn tal-komunità kreattiva tagħna,” sostna l-Ministru Camilleri. 

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://eventsingozo.com/valentines-in-gozo-2026/

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport