Matul din il-ġimgħa sar id-dibattitu kontra Malta wara l- Membru Parlamentari Ewropej David Casa u sħabu riedu akkost ta’ kollox jagħmlu ħsara lil Malta. Dan tal-aħħar dejjem ried li jagħmel gwerra qaddisa u juża’ l-għoddod kollha biex jagħmel dan kollu.
Meta tiltaqa’ u titkellem man-nies fil-pjazez tal-irħula jew inkella fuq il-mejda waqt xi ikla mal-ħbieb u kulħadd jesprimi l-opinjoni tiegħu tal-mod kif jaħsiba. Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista qatt ma għamlu xkiel jew nkella kienu ta’ xkiel kontra Malta jew oggezzjonaw lil Roberta Metsola tkun il-President tal-Parlament Ewropew, l-ex Kummisarji li kienu gejjin mill-kamp tal- Partit Nazzjonalista jkollhom rwol x’jaqdu fil-Parlament Ewropew. Dan dejjem ghamluh ghax raw l-interess tal-pajjiz.
Diversi kummenti minn nies fuq il-mezzi soċjali li jistqarru u jgħidu li l-Membri Parlamentari Ewropew Maltin tal-Partit Laburista jinsew malajr. L-istess membri jifhmu is-sentiment tan-nies għaliex jafu minn fejn ġejjin. Bħal kulħadd, u forsi aktar, il-membri parlamentari Ewropew jafu kemm dawn in-nies ħadmu u għadhom jaħdmu ta’ kuljum kontra pajjiżna fil-Parlament Ewropew.
Kulħadd jaf li kemm Dr.Alex Agius Saliba, Dr. Daniel Attard u Thomas Bajada huma l-akbar kritiċi tal-ħidma maħmuġa tagħhom għaliex huma jarawha kuljum tiġri quddiem għajnejhom u jafu sewwa kemm ħsara jipprovaw jagħmlu lil pajjiżna. Pero’ aktar minn hekk, kulħadd jaf li il-membri parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista kienu u għadhom mill-aktar voċiferi biex jirribattu l-ħidma qarrieqa tagħhom.
Naturalment il-poplu Malti qatt m’hu ser jinsa l-ħsara li għamlu u il-membri li jirrapreżentaw lil Partit Laburista rridu jibqgħu jaraw li il-ħidma tagħhom tirribatti l-qerq tagħhom, Hadd u qatt ma għandu jasal li jagħmel ħsara lil Maltin barra minn xtutna sempliċiment għaliex hemm differenzi politiċi.
Fil-passat kien hemm diversi episodji ta kif aġġixew il-Membri Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista fosthom; mal-kandidati li kien innomina Gvern Laburista, Toni Abela u Leo Brincat, fejn kienet saret ħidma kbira kkordinata biex jippruvaw ikissruhom u jumiljawhom, ħaġa li baqgħet turta ħafna nies sal-lum. Dakinhar pajjiżna deher ikrah, mhux l-individwi biss, u l-ħsara saret fuq kull Malti u Għawdxi.
Kemm Alex, Daniel u Thomas huma kburin li ġejjin mill-Partit Laburista, il-partit li dejjem fittex li jagħmel ġieħ lill-pajjiżna barra minn xtutna u qatt ma ra kif ifixkel Maltin. Kien hemm ċans jagħmlu dan qabel fin-nominazzjoniet ta’ Tonio Borg wara l-każ tal-allegat korruzzjoni ta’ John Dalli.
Dakinhar il-Partit Laburista seta’ għażel li jfixkel u jagħmilha diffiċli, seta’ għamel ħafna pressjoni biex jipprova jumilja l-persuna, imma le. Dik mhux il-politika li jemmen fiha l-Partit Laburista, mhux il-politika li jrid jagħmel u żgur li mhux il-politika li jridu n-nies. Dik il-politika u l-arroganza li ġġib magħha hija r-raġuni maġġuri għalfejn il-Partit Nazzjonalista llum qiegħed fix-xifer ta’ falliment u kollass, għaliex in-nies ramewh darba wara l-oħra biex juruh li dik il-politika hija skaduta.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-kliem biss mhux biżżejjed, għaliex inutli noqogħdu ngħidu li nħobbu lil pajjiżna u li Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox, jekk f’dak li jagħmlu ma jirriflettuhx. Jiena nemmen fl-imħabba lejn pajjiżi. Aħna nazzjon żgħir wisq biex nintilfu nattakkaw u nkissru lil xulxin u għaldaqstant il-politiċi jridu juru maturita’ sħiħa fil-politika li jħaddnu meta jiġu għall-fatti. Dan id-dibattitu ta’din il-ġimgħa kien wieħed minn dawk il-mumenti tal-prova u reġa’ wera bil-fatt minn huma vera s-suldati tal-azzar.

