Tuesday, December 24, 2024

INĦOBBU, NIRRISPETTAW U NĦOSSUNA KBURIN BL-ILSIEN MALTI

Aqra wkoll

Jekk verament irridu nipproteġu u nippromwovu l-ilsien Malti, l-ilsien tagħna rridu nħobbuh u nirrispettawh u nħossuna kburin meta nitkellmuh. Meta wieħed ikollu l-lingwa ta’ pajjiżu u jkun kburi li jużaha, il-konservazzjoni tagħha hija possibbli.

Proprju l-ġimgħa li għaddiet saret konferenza dwar il-bżonn li nużaw l-ilsien Malti b’mod tajjeb li matulha l-President ta’ Malta, George Vella, kellu appell ċar dwar il-bżonn li nipproteġu l-ilsien nazzjonali tagħna.

Huwa saħaq li rridu nipproteġu l-lingwa milli tiġi mwarrba biex tidħol lingwa oħra. Nipproteġuha milli tiġi użata ħażin u nipproteġuha milli tispiċċa mfarrka, li ma tibqax il-lingwa sabiħa li għandna.

Il-President tkellem ukoll dwar l-importanza li, partikolarment il-midja, tagħraf tuża Malti tajjeb biex filwaqt li l-lingwa tibqa’ ħajja u tkompli tiġi żviluppata, ma tinbidilx bla kontroll.

Hawn Malta hawn it-tendenza li tintuża l-lingwa Ingliża. Hija lingwa internazzjonali, li tajjeb li wieħed ikun jafha tajjeb, perὸ dik għandna nużawha biss meta jkun meħtieġ u nkomplu nużaw aktar il-lingwa tagħna kemm fid-djar tagħna, fl-iskejjel, kif ukoll barra.

Il-lingwa hija bħal kull għodda oħra: aktar ma tużaha, iktar tkun profiċjenti fl-użu tagħha. Il-veru rispett lejn il-lingwa huwa biss meta tużaha sew billi ma tħallathiex ma’ lingwa oħra. Wieħed għandu jkun jaf li l-lingwa tissimbolizza l-kultura, il-wirt tiegħu u li tirrispettah ifisser, li nirrispettaw lilna nfusna.

L-ilsien Malti jibqa’ jgħix biss jekk jibqa’ jintuża f’kull mezz ta’ komunikazzjoni, kemm jekk tkun konverżazzjoni, teknika u kummerċjali. Sfortunatament, b’differenza mill-barranin, il-Maltin huma inqas kburin bil-lingwa tagħhom, li huwa evidenti mill-inkorporazzjoni tal-lingwa Ingliża.

Minbarra hekk iridu jsiru sforzi wkoll biex jintuża l-Malti fl-aspetti tekniċi u kummerċjali wkoll. B’differenza minn pajjiżi oħra, anke l-ismijiet u r-rotot fuq il-karozzi tal-linja huma bl-Ingliż fil-biċċa l-kbira tal-każi. Il-Malti għandu jsir aktar viżibbli kummerċjalment u ntużaw ukoll aktar fir-reklami.

Ekonomija

Sport