Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport u kif twaqqaf il-klabb ta’ Birkirkara SJ?
L-isport dejjem kien parti sħiħa minn ħajti minn mindu kont ta’ etá żgħira, partikolarment mill-kuntatt li kelli mall-militar Brittaniku f’Malta li kienu jorganizzaw u jipprattikaw diversi sports.
Birkirkara St. Joseph Sports Club twaqqaf f’Awwissu tal-1975 u ħareġ miċ-ċentru taż-żgħażagħ tal-Parroċċa ta’ San Ġuzepp Ħaddiem li kienet għadha kif twaqqfet sena qabel f’Birkirkara. Il-Klabb gie affiljat fil-Birkirkara Sports Association, li kienet federazzjoni għal għaqdiet sportivi Karkarizi li dak iż-żmien kien hemm numru konsiderevoli minnhom. Għalkemm il-futbol kien l-isport prinċipali, peró l-fundaturi tal-Klabb ħasbu li dan m’għandux ikun l-uniku sport prattikat fil-klabb, u għalhekk l-Għaqda ħadet l-isem ta’ Birkirkara St. Joseph Sports Club. Matul is-snin il-klabb affilja ruħu ma’ diversi federazzjonijiet nazzjonali sportivi.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt – x’wassal biex jingħalaq dan il-klabb wara 50 sena ta’ suċċessi?
Għal dawn l-aħħar ftit snin, l-amministrazzjoni tal-klabb ħadmet fuq pjan ta’ suċċessjoni, anke wkoll għall-fatt li l-amministraturi kienu ilhom jokkupaw il-karigi tagħhom għal ħafna snin. Għal diversi raġunijiet, din il-ħidma ma ħallietx frott, bil-membri konxji li l-Klabb jista’ jispiċċa f’idejn amministrazzjoni li twaqqa’ l-istandards li dan dejjem kellu fix-xena nazzjonali, sitwazzjoni li l-membri fl-aħħar assemblea ġenerali ma xtaqux jaraw. Meta wieħed jiftakar li l-Klabb kien jorganizza medja ta’ 22 avveniment matul is-sena, kif wkoll madwar għaxra oħra flimkien ma’ entitajiet lokali u barranin, ir-regolamenti burokratiċi imposti f’dawn l-aħħar snin mill-awtoritajiet, kienu qed ikunu ta’ piż fuq l-amministrazzjoni. Bla dubju li dawn ir-regolamenti ta’ governanza tajba huma meħtieġa, imma x-xogħol rikjest relatat magħhom flimkien mal-organizzazzjoni ta’ aktar minn avveniment kull gimgħatejn matul is-sena, ma kienx qed iħalli l-amministrazzjoni taħdem b’mod effikaċi. Punt ieħor importanti kien l-ispejjeż kbar li l-Klabb kien qed jiffaċċja fl-organizzazzjoni tal-avvenimenti tiegħu. Dawn l-avvenimenti kollha jsiru fil-miftuħ, jew fit-toroq jew fil-baħar, u kollha jġorru magħhom ċertu riskju. Dawn l-ispejjeż ma baqgħux iħallu l-organizzazzjoni waħda sostenibbli, li ma kienx għall-isponsorships li kellu l-Klabb. Fattur importanti ikkunsidrat mill-amministrazzjoni kien ix-xenarju lokali u internazzjonali sportiv, fejn matul is-snin il-kompetizzjoni fl-organizzazzjoni tal-avvenimenti kibret b’mod esaġerat, bir-riżultat li beda jinħass in-nuqqas ta’ numru ta’ parteċipanti fl-avvenimenti organizzati mill-Klabb. L-aħħar assemblea ġenerali tal-Klabb ikkunsidrat bir-reqqa dawn is-sitwazzjonijiet, fejn imbagħad ittieħdet id-deċiżjoni finali.
Dan kollu jindika li hawn problema fil-volontarjat fl-isport Malti. Taqbel miegħi?
Fl-opinjoni tiegħi kważi spiċċa għal kollox il-kunċett ta’ volontarjat fl-isport, meta dan kien parti integrali mill-istess sport. Din hija tassew ħasra għaliex aħna li ilna f’dan l-ambjent għal ħafna snin, nafu li l-volontarjat kien kważi r-ruħ tal-isport u anke ħafna passatempi.
Kif tqis il-mentalità dwar l-isport f’pajjiżna?
Ma jkun xejn ġid li ngħid li l-kulturá sportiva f’pajjiżna għadha waħda kemmxejn dgħajfa. L-istil ta’ ħajja li ħafna qegħdin jagħżlu li jgħixu qiegħda wkoll tinpedixxi li bħala pajjiż, inrawmu kulturá b’saħħitha sportiva. Xi kultant nieħu l-impressjoni, u nittama li jien żbaljat, li filwaqt li hemm ħafna pajjiżi li ma jgħixux mingħajr l-isport u l-kulturá, aħna komdi ħafna mingħajrhom.
Għaddi messaġġ finali rigward l-importanza tal-isport fil-ħajja ta’ kull persuna.
Il-benefiċċji li għandu l-isport u l-impatt tiegħu fuq is-soċjetá, illum huma magħrufa mad-dinja kollha. Flimkien ma’ aspetti kulturali oħra, l-isport għandu rwol importanti fl-iżvilupp fiżiku u soċjali tal-persuna. Sfortunatamnt ħafna nies iħarsu lejn l-isport bħala xi ħaġa għall-persuni bi kwalitajiet atletiċi, li fil-fatt huwa kunċett ‘il bogħod ħafna mill-veritá. L-attivitá fiżika hija xi ħaġa li għandha tkun parti mir-rutina ta’ kull persuna, irrispettivament mill-abbilitajiet u l-kapaċitajiet tagħha!