Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Meta kont żgħir kont insegwi l-futbol fuq it-televixin, kont nitla’ l-grawnd ma’ missieri (kien Ħamruniz kburi u ma kienx jitlef logħba waħda – dejjem Ta’ Qali – qed nitkellmu fiż-żmien tas-snin 80).
Meta kelli xi għaxar snin / 11-il sena morna ngħixu Tas-Sliema (għalkemm tista’ tgħid li trabbejna tas-Sliema għand in-nanniet), u eżatt kif għalaqt 13-il sena, kien miet missieri u bdejt immur il-youth centre tas-Sależjani (konna nilagħbu futbol kuljum), u mbagħad bdejt nilgħab mas-Sliema. Xi tliet staġuni wara kont mort nilgħab mal-Luxol. Ta’ 18-il sena kont waqaft imbagħad (wieħed mill-iktar dispjaċiri li għandi). Min jafni sew, jaf ukoll kemm inżomm mas-Sliema hawn Malta u internazzjonalment mal-Manchester United.
Jien għandi żewġt itfal, tifla ta’ 10 snin (li ma tħobbx il-futbol) u tifel, li llum għandu 18-il sena u ilu jilgħab minn mindu kellu erba’ snin … allura ilni daqshekk insegwi l-futbol mill-qrib ħafna.
Għalija l-isbaħ ħarġa, hija li mmorru l-grawnd naraw il-logħob. Tista’ tgħid li jien immur nara ħafna logħob, bażikament mill-U15 sal-kbar, rari infalli logħba.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Kif dejjem tkellimt fl-apert jien nemmen li bħala grassroots għandna potenzjal kbir. Anke meta nilagħbu ma’ timijiet barranin u nieħdu sehem f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna, dejjem jidher li nagħmlu ġieħ lil pajjiżna.
Jien, kif jafu ħafna, insegwi mill-qrib il-‘youth football’, fejn ukoll għandi paġna fuq facebook li fiha madwar 7k membru, u nemmen li l-passjoni għal-logħba tal-futbol fil-grassroots hija kbira u titpaxxa tara ċertu logħob.
U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Jien inħoss li l-futbol inbidel ħafna, fejn naħseb, li meta kellna inqas plejers barranin li jistgħu jilagħbu fil-Malta Premier, il-kampjonat kien ħafna isbaħ, iktar kompetittiv (apparti din is-sena fejn rajna Top Six tat-tieni fażi, kulħadd b’punti viċin xulxin) u qabel kien ikun hemm attendenzi ferm iktar numerużi.
Is-sitwazzjoni hi li hi, u nemmen li kull klabb jagħmel dak li hu l-aħjar għall-klabb tiegħu.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?
Fuq din inħoss li m’għandniex ‘level playing field’ fejn tidħol allokazzjoni ta’ grawnds fil-‘youth football’ inġenerali.
Sections A dejjem ikollhom logħob fl-aqwa grawnds, mentri kif tibda nieżel minn Section B ‘l isfel, l-għażla tal-allokazzjoni tal-grawnds ma naħsibx li dejjem tkun ġusta. Ma nħossx li għandi nsemmi l-grawnds liema huma, peró, meta jkollok jew ‘top of the table clash encounter’, jew logħbiet li jkunu jaħarqu, m’għandhomx jingħataw grawnds żgħar, jew addirittura grawnds fejn il-ġenituri ma jkunux segregati. Jien nikkundanna kull forma ta’ vjolenza, iżda kif semmejt qabel ma tagħtix konfront dirett fejn ġenituri ta’ timijiet opposti jkunu bilqiegħda fl-istess naħa.
Min-naħa l-oħra, jien nitkellem ma’ ħafna nurseries, u naf kemm sinċerament dawn jixtiequ jtejbu s-servizz li joffru (fejn ħafna minnhom huma nies li jaħdmu b’mod volontarju). Ir-riżorsi huma li huma, peró, nemmen li l-klabbs għandhom bżonn iktar għajnuna finanzjarja.
Ta’ min jinnota wkoll, li l-futbol huwa wieħed mill-inqas sports li jdaħħal flus mill- miżati … jekk tieħu ‘average’, naħseb miżata tiġi xi €2/€3 għal kull sessjoni ta’ taħriġ. Għalhekk dejjem insostni l-importanza li kulħadd għandu jgħin il-klabb tiegħu speċjalment f’xi attiviatjiet ta’ ‘fund raising’ li jkun hemm minn żmien għall-ieħor.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jien naħdem il-bank, allura l-paġna li għandi fuq facebook naħdem fuqha volontarjament u nieħu ħsiebha filgħaxijiet u fi tmiem il-ġimgħa.
Personalment, nemmen li l-passjoni li għandi għall-‘youth football’ hija kbira, u llum b’umiltá ngħidlek li ngawdi ħafna rispett minn ħafna klabbs, plejers u ġenituri inġenerali. Jien dejjem lest noffri l-għajnuna tiegħi lil kull min għandu bżonn … irrispettivament mil-liema klabb ikun ġej. Bil-paġna tiegħi, inħoss li qed nagħti vuċi lill-plejers kif ukoll lill-ġenituri ħalli flimkien inwaswlu suġġerimenti biex il-logħba li tant inħobbu, narawha dejjem tmur għall-aħjar.
Nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li anke ma’ ‘senior members’ mill-MFA naħdmu id f’id, u qatt ma niddejjaq ngħid li dejjem semgħu l-ilmenti tagħna u anke jieħdu suġġerimenti li nwasslulhom.
Matul is-snin, dejjem sibna għajnuna kbira wkoll mill-MFPA, minn ‘Sports Psychologist’ u anke ċerti ġurnalisti.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Jien nemmen li l-futbol huwa l-isbaħ karriera li wieħed jista’ jkollu. Dan għalkemm nafu li bħala plejer, din hija qasira ħafna.
Kun ‘committed’ għal dak li qed tagħmel, taqta’ qalbek qatt, u stinka fuq li stinka għax nemmen li dik hija d-differenza jekk tagħmilhiex jew le.
Ħa ssib ostakli, ħa ssib min ma jemminx fik, u ħa ssib min jipprova jagħmillek il-ħsara … peró t-tajjeb finalment dejjem jirbaħ!