Thursday, August 28, 2025

‘Inħossni grat u onorat li se naħdem ma’ wieħed mill-aktar klabbs organizzati fil- futbol Malti’ – Trevor Thomas

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol tista’ tgħid li twieldet miegħi, mhux nibtet. Minn meta kont żgħir ħafna l-ħin kollu niġri bil-blalen, imbagħad meta raw hekk il-ġenituri tiegħi, kienu ħaduni mal-Hibernians u minn hemm kompliet tiżviluppa n-namra tiegħi lejn il-futbol.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala Assistant coach ta’ Pietá Hotspurs FC, fejn se jkun qed jaħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ, Manuel Caruana?

Inħossni grat u onorat li se naħdem ma’ wieħed mill-aktar klabbs organizzati fil- futbol Malti. Kulħadd jaf xi klabb hu Pietá speċjalment meta naf li se nkun qed naħdem spalla ma’ spalla ma’ kowċ bħal Manuel Caruana. Nemmen li għandu potenzjal li fil-futur qrib ikun wieħed mill-kowċis stabbiliti fl-ogħla diviżjonijiet tal-futbol Malti, u se tkun esperjenza li se tgħallimni u tgħinni nikber ħafna fil- karriera tiegħi!

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol miż-żmien li kont nilgħab jien inbidel ħafna. Fl-opinjoni tiegħi il-livell tal-Malta Premier naqas peró fid-diviżjonijiet l-oħra għola, sforz li ħafna mill- plejers validi mill-Malta Premier kollha qed jinżlu f’diviżjonijiet oħra minħabba l- ħafna plejers barranin, għalkemm mhux dejjem ikunu aħjar minn dawk Maltin. Jien nemmen li hawn Malta m’hawnx klabbs li finanzjarjament jaffordjaw 11-il plejer barrani kollha ta’ livell għoli.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-loghob kompetittiv tagħkom?

Fortunatamemt, aħna nilagħbu fi grawnds fejn hemm faċilitajiet aċċettabli ħafna, peró, diviżjonijiet oħra ma tantx nista’ ngħid l-istess. Hemm ħafna grawnds li hemm ħafna x’jitranġa biex kulħadd ikun jista’ jilgħab f’kundizzjonijiet tajbin. Aħna bħala klabb inzertajna fortunati li għandna grawnd tajjeb ħafna fejn nitħarrġu, għalkemm nistgħu nirranġaw xi affarijiet bħala faċilitajiet.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar ‘il bogħod tiegħek fil-futbol?

Bħalissa qed nistenna li nibda l-‘UEFA A license’ tal-kowċing. L-ambizzjonijiet tiegħi huma li nagħmel il-liċenzji kollha u nkun nista’ nikkowċja f’kull livell tal-futbol.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-parir tiegħi hu li dejjem għandek taħdem u tistinka għat-tragward li tixtieq tilħaq u jekk l-affarijiet ikunu ġejjin diffiċli, tfittixx skużi iżda aħdem iktar … dejjem ibqa’ umli u aħdem u s-suċċess jasal waħdu!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport