Wednesday, December 10, 2025

‘Inħossni ħerqan ħafna għal din l-isfida u opportunitá ma’ Zurrieq FC’ – Samuel Cassar

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol nibtet ta’ etá żgħira permezz tal-interess li kellu u għad għandu missieri fil-loghba tal-ballun. Hu dejjem imbuttani filwaqt li jiena dejjem ħassejtni li l-futbol huwa ġo fija.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Zurrieq FC?

Jiena vera nħossni ħerqan għal din l-isfida u opportunitá ma’ Zurrieq FC. Il-klabb wera interess fija u dan igiegħlni naħdem iżjed kemm biex intejjeb il-livell tiegħi personali, kif ukoll biex ngħin lill-klabb jikseb ir-rebħiet li jistħoqqlu.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Marsaxlokk FC u kemm tgħallimt minnha?

Rigward l-esperjenza li kelli ma’ Marsaxlokk FC, nista’ nghid li kabbritni mentalment, fiżikament, u fil-potenzjal tieghi tal-futbol permezz tat-taħriġ regolari mat-tim tal-kbar … tim u taħriġ ta’ livell għoli. Grazzi għall-Kowċ Enzo Potenza li tani ċ-ċans li niddebutta u nesperjenza aktar opportunitajiet fil-Malta Premier, u biex nitħarreġ fl-ogħla livell ta’ futbol possibbli f’pajjiżna.

Kif tqis il-livell tal-futbol lokali fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti bla dubju qiegħed dejjem jogħla. Il-klabbs, speċjalment fil-Premier, qed jinvestu fi plejers tajbin li qed jelevaw il-pożizzjoni lokali … plejers li jinkludu dawk barranin.

Eżempju car huwa Hamrun Spartans FC li rnexxielhom jakkwistaw l-ewwel kwalifikazzjoni fil-UEFA Conference League għall-ewwel darba fl-istorja tal-futbol Malti permezz tal-investiment li għamlu fi plejers kbar.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-livell tal-grawnds tat-taħriġ u tal-logħob ma tistax tgħid li hu ħażin, iżda turf naturali dejjem jista’ jiġi influwenzat mit-temp u jtellef mill-prestazzjoni. Nista’ nżid ngħid li l-pitches ta’ fejn isiru l-kompetizzjonijiet huma diċenti.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Għalkemm l-attendenza u l-ħeġġa fil-grawnds naqsu xi ftit, xorta għad hawn l-interess fost il-Maltin. Biss il-futbol jibqa’ l-iktar sport f’Malta li joħloq segwaċi.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Jien naħdem kemm nista’ ġurnata b’ġurnata sabiex nilħaq ix-xewqa tiegħi li nilgħab b’mod konsistenti fl-ogħla livelli possibbli.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Għal min jixtieq li fil-futbol ikollu karriera dekorata, irid jagħmel numru ta’ sagrifiċċji, ma jibżax jiżbalja, u jibqa’ perseveranti u ddixxiplinat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport