Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Nemmen li bdiet ta’ etá żgħira ħafna. Il-futbol minn dejjem kien ġo fija u dejjem kont insegwih. Kont nilgħab ħafna l-iskola imbagħad wara d-duttrina, sakemm ta’ 13-14-il sena, iddeċidejt li nissieħeb ma’ klabb lokali.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn ir-ritorn tiegħek ma’ Zurrieq FC, wara esperjenza ta’ self ma’ Marsa FC?
Inħossni ħerqan li se nqatta’ dan l-istaġun ma’ Zurrieq FC wara diskussjonijiet mal-president, kumitat, kowċis u anke xi plejers li kollha kemm huma laqgħuni lura b’idejhom miftuħa. Fuq livell personali inħoss li rrid nerġa’ nagħti risposta fil-grawnd, u se nipprova nagħmel minn kollox biex nilħqu t-tragward tal-klabb. Diġá sibt grupp ta’ plejers magħqudin u b’talent li lesti li jaħdmu għal xulxin.
Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ Zebbug Rangers FC.
Kelli esperjenza sabiħa ħafna ma’ Zebbug Rangers FC, fejn ħdimt ma’ nies tal-ġenn. Hemmhekk komplejt nimmatura u nuri l-kapaċitajiet tiegħi anke fil-Malta Premier. Irbaħna l-league wara li lgħabna decider kontra Pembroke Athleta FC biex b’hekk tlajna Premier u kont nominat għal wieħed mill-aqwa difensuri f’dak l-istaġun. Is-sena ta’ wara minkejja li sfajna relegati, xorta kelli esperjenza u prestazzjonijiet tajbin ħafna.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent ?
Biż-żmien nemmen li l-futbol Malti, meta tqis il-limitazzjonijiet tiegħu kemm finanzjarji u anke dawk infrastrutturali, qed jitjieb għall-fatt li hemm klabbs fejn qed jinvestu iktar flus u qed ikun hawn iktar plejers barranin ta’ ċertu livell. Madakollu, fadal ħafna fejn nistgħu nagħmlu aħjar!
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Dejjem jistgħu jkunu aħjar, għall-fatt li hawn Malta għandna temp differenti minn ħafna pajjiżi oħra, allura nemmen li jridu ħafna iktar manutenzjoni ta’ spiss.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Inħares lejn il-futur dejjem b’pożittivitá, u nipprova nagħmel l-iktar li nista’ biex dejjem ikolli staġuni pożittivi. L-għan tiegħi dejjem jibqa’ li nilgħab fl-aqwa kampjonat Malti. Importanti wkoll li fejn inkun dejjem inħalli impatt pożittiv kemm fuq il-klabb u anke fuq sħabi l-plejers.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Dejjem żomm saqajk mal-art, peró tiddejjaqx turi li inti kunfidenti fuq x’kapaċi toffri. Ma jistax ikollok suċċess jekk ma taħdimx għalih kemm mill-aspett mentali, u anke dak fiżiku. Żomm moħħok miftuħ għax dejjem tista’ titgħallem xi ħaġa mingħand kulħadd!