Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Dejjem niftakarni nara l-futbol ma’ missieri, li hu partitarju tal-Juventus. Minn hemm bdiet il-ħajra u kont tlabt biex nibda nittrenja.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li proprju fil-jiem li għaddew ilħaqt it-tragward tal-mitt partita fil-karriera tiegħek?
Inħossni kburi li lħaqt dawn il-mitt logħba. Huma frott ħafna ħidma u sagrifiċċju.
Kif qed tħares lejn din l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Qormi FC?
Qegħdin tim magħqud u ħdimna sew flimkien dan il-pre-season. Ħa nkomplu nissieltu biex nilħqu l-għanijiet tagħna dan l-istaġun.
X’tikkummenta fuq dan il-bidu ta’ staġun minn Qormi FC?
Din is-sena hemm bosta timijiet li qed jistinkaw biex jiġu promossi. Nemmen li jekk aħna nibqgħu sejrin hekk, se nkunu kompetituri b’saħħitna.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Inħoss li l-livell tal-futbol Malti tjieb ħafna matul is-snin. Hemm iktar impenn kemm min-naħa tal-persunal tekniku kif ukoll mill-plejers.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?
Id f’id mal-livell tal-futbol inġenerali, il-livell tar-riżorsi wkoll ra titjib sinjifikanti, speċjalment bir-riġinerazzjoni tat-turfs li saret iktar kmieni din is-sena.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Għal dan l-istaġun l-għan ewlieni li għandi huwa li niġu promossi.
Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Kieku ngħidilhom jistinkaw biex iwettqu x-xewqat tagħhom għax avolja jinvolvi bosta sagrifiċċji, is-sodisfazzjon li joffri l-futbol m’hawnx bħalu!