Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-kick-boxing?
Minn dejjem kien jinteressani l-contact sports, peró, dejjem bżajt li mmur nibda l-ewwel lezzjoni għax kont nahseb li ma kontx se nkun ta’ livell. Dan Sakemm darba kelli ħabiba tiegħi tipprattika l-kickboxing u ħeġġitni mmur nipprattika fil- lezzjoni tal-beginners. Mort u kif dejjem ngħid kienet love at first kick għax mill- ewwel darba li mort disa’ snin ilu ma waqaftx. Nibtet ġo fija mħabba u passjoni kbira lejn dan l-isport.
X’unuri prinċipali rbaħt matul il-karriera tiegħek sa issa?
Irbaħt il-midalja tad-deheb fil-kategorija -65kg tal-kick-boxing ġo ISKA WORLD CHAMPIONSHIPS 2023 u midalja tal-bronż fil-kategorija -65k K1 rules. U l-istess matul is-sena li għaddiet. B’hekk niġi double ISKA WORLD CHAMPION -65KG kickboxing rules.
Kif tħossok bħala mara tipprattika l-kick-boxing?
Bħala mara nħossni onorata għax mhux ħafna nisa jagħmlu dan l-isport. U nħossni li bħala atleta mara f’dan l-isport għandi nkun ta’ ispirazzjoni għal ħafna nisa li forsi jinsabu mħajrin jibdew jipprattikaw dan l-isport u għal xi raġuni joqgħodu lura. Huwa sport ta’ dixxiplina kbira u li jgħinek tikber fil-ħajja ta’ kuljum.
Kif tiddeskrivi l-livell tal-kick-boxing f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li bħala livell qed jogħla … ħafna iktar minn disa’ snin ilu meta kont bdejt jien. Peró, ovvjament għad hemm x’jitranġa u nemmen li hemm bżonn iktar min jemmen fina l-atleti u f’dan l-isport biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem għax sfortunatament hawn Malta għadna daqsxejn lura fl-għajnuna lejn l-isport.
X’tikkummenta fuq ir-riżorsi fejn titħarrġu u tipprattikaw il-kick-boxing f’Malta?
Personalment, m’għandix għalfejn ingerger rigward riżorsi ta’ fejn nittrenjaw mat-Team Noel Kickboxing għax il-gym fejn nittrenja jien huwa attrezzat b’kollox, u dejjem nappdjetjaw il-makkinarju u l-apparat kif ukoll il-mod ta’ kif ngħallmu.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?
Din is-sena se jseħħu l-ISKA EUROPEAN CHAMPIONSHIPS hawn Malta stess fejn nixtieq immur tajjeb sabiex inkun nista’ nieħu sehem fil-Kampjonati Mondjali.
Għaddi messaġġ finali lil dawk il-bniet u tfajliet li jixtiequ jibdew jipprattikaw il-kick-boxing.
Il-messaġġ tiegħi lil dawk in-nisa u tfajliet li jixtiequ jibdew jipprattikaw dan l-isport huwa biex ma jaqtgħu qalbhom qatt u jipruvaw dan l-isport għax mhux biss jgħinek fiżikament, imma wkoll mentalment.