Friday, January 2, 2026

‘Inħossni onorat ħafna, għaliex 300 partita f’Għawdex mhumiex ftit’ – Jason Theuma

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?  

Minn meta kelli ħames snin bdejt nifforma parti min-nursery tal-klabb tar-raħal tiegħi, St Lawrence Spurs, fejn bqajt nipprattika u nilgħab il-futbol sal-lum il-ġurnata – jiġifieri għal dawn l-aħħar 24 sena. Ta’ min isemmi wkoll li missieri dejjem kien iħobb isegwi l-futbol fuq it-televiżjoni, u jien kont inħobb noqgħod narah miegħu minn meta kont tifel żgħir. Minn hemmhekk bdiet tinbet l-imħabba tiegħi għal dan l-isport.  

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li lħaqt it-tragward tat-300 partita uffiċjali fil-karriera tiegħek? 

Inħossni onorat ħafna, għaliex 300 partita f’Għawdex mhumiex ftit, speċjalment meta tqis li kull staġun ma jintlagħbux ħafna logħbiet. Dan it-tragward intlaħaq permezz ta’ ħafna sagrifiċċji u konsistenza matul is-snin. Filwaqt li t-300 partita huma unur kbir, bħalissa qed naħdem biex, jekk Alla jrid, nasal ukoll għall-400 partita.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kerċem Ajax FC. 

Rigward l-esperjenza tiegħi ma’ Kerċem Ajax FC, nista’ ngħid li kienet waħda pożittiva ħafna u mimlija memorji sbieħ. Bħalissa qiegħed fis-sitt sena tiegħi ma’ dan il-klabb, u dan huwa biss it-tieni klabb fil-karriera tiegħi. Ġejt milqugħ qisni plejer tar-raħal, kemm mill-istaff kif ukoll mill-kumitat, u dejjem ħassejtni qisni “home”.

Ħaġ’oħra li napprezza ħafna f’dan il-klabb hija li matul dawn is-sitt snin dejjem kien hemm grupp sabiħ ta’ plejers li kklikkjajna flimkien, u l-plejers ġodda dejjem integrew ruħhom faċilment fit-tim, kważi qisna familja waħda. Kerċem Ajax FC huwa tim serju, b’għanijiet ċari, u din hija raġuni oħra għaliex bqajt leali lejn dan it-tim.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa? 

It-tim ta’ din is-sena huwa mibni fuq dak tas-sena l-oħra, fejn irbaħna kull Tazza fit-Tieni Diviżjoni ta’ Għawdex kif ukoll il-Kampjonat bil-massimu tal-punti possibbli. Dan kollu sar permezz ta’ ħidma kbira mill-kumitat, li bena skwadra b’saħħitha biżżejjed biex tlaħħaq mal-isfida tal-Ewwel Diviżjoni. Fil-fatt, bl-introduzzjoni ta’ xi plejers lokali u barranin, qegħdin nikkompetu bis-serjetà għar-rebħ tal-kampjonat. 

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun? 

Kif diġà semmejt, l-għan ewlieni tagħna huwa li nkunu sfidanti għat-titlu, u fl-aħħar mill-aħħar li nippruvaw niksbu r-rebħ tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Danijel Bogdanovic? 

Danijel huwa kowċ professjonali ħafna u ta’ livell għoli għall-futbol Għawdxi. L-esperjenza li kiseb fil-karriera tiegħu bħala plejer jużaha u jimplimentaha b’mod effettiv fil-coaching. Huwa kowċ serju ħafna, li jagħti importanza lid-dettall, u qed jgħin kemm lili kif ukoll lil sħabi biex intejbu l-attributi tagħna għall-ġid tat-tim kollu.

U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Dr Elvin Grech? 

Il-president għandu esperjenza kbira kemm bħala president kif ukoll fil-futbol Għawdxi. Huwa qed imexxi lit-tim u lill-kumitat fid-direzzjoni t-tajba, b’viżjoni ċara u serjetà kbira.

Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent? 

Il-livell tal-futbol Għawdxi qiegħed dejjem jitjieb, grazzi għall-preżenza ta’ kowċis tajbin u professjonali, kif ukoll plejers barranin ta’ livell li qed jagħmlu parti mill-iskwadri tat-timijiet. Madankollu, minkejja dan il-progress, għad hemm ftit distakk bejn il-livell tal-futbol Għawdxi u dak tal-Malta Premier.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom? 

Fuq ir-riżorsi u l-faċilitajiet, nista’ ngħid li Kerċem Ajax għandu riżorsi tajbin ħafna, bħalma huma grawnd sintetiku kbir, gym żgħir, dressing rooms personali, kif ukoll servizzi ta’ kliniċi u fiżjo-terapisti.

Fir-rigward tal-logħob kompetittiv, il-Gozo Stadium bħalissa jinsab f’kundizzjoni tajba wara li sar ir-reseeding riċenti. Madankollu, lejn l-aħħar tal-istaġun il-ground għandu t-tendenza li jiddeterjora minħabba n-numru kbir ta’ logħbiet li jintlagħbu fuqu f’perjodu qasir.  

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? 

Se nkompli nistinka u naħdem biex nieħu kemm nista’ bħala plejer, inżomm ruħi f’kundizzjoni fiżika tajba u, jekk Alla jrid, nevitaw injuries serji. L-għan tiegħi hu li nirbaħ kemm jista’ jkun unuri fl-ogħla livell tal-futbol Għawdxi, speċjalment il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Trid dejjem temmen fik innifsek u taħdem kemm tista’, għax qatt mhu biżżejjed. Dejjem immira għal xi ħaġa aħjar minn fejn tinsab bħalissa, għax kollox huwa possibbli. Fuq kollox, aħdem biex ikollok karriera ferrieħa u, kemm jista’ jkun, mingħajr injuries serji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport