Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?
Meta kont żgħira, il-kuġini tiegħi kienu jeħduni magħhom nara l-waterpolo fil- Pixxina ta’ Marsaskala u wkoll għamilt xi żmien naħdem il-Pixxina. Wara kont niltaqa’ mal-ħbieb u nibqgħu naraw il-logħob.
U kif għażilt proprju r-refereeing?
Jien kont dejjem ngħin fil-klabbs fejn kienu t-tfal tiegħi u kont ngħin bħala ‘table official’ (‘uffiċjal tal-mejda’) fil-logħob tan-nursery, u meta kont niltaqa’ mar-referee Massimo Angileri kien dejjem jipprova jikkonvinċieni biex nidhol referee sakemm wara ħafna rnexxielu!
Ħa mmur mal-ewwel ghall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li fil-jiem li għaddew ġejt imħabbra mill-European Aquatics bħala l-ewwel referee tal-waterpolo mara Maltija li se tkun qed tirrefja fuq livell internazzjonali?
Inħossni onorata li wasalt s’hawnhekk. Dan kien bis-saħħa tal-president tal-ASA Karl Izzo li dejjem emmen fija u nnominani għall-eżami tal-
European Aquatics u l-president tal-Malta Waterpolo Referees Association (MWRA), Mario Dalli.
Kif tqis il-livell tal-waterpolo lokali fil-preżent?
Jiena naħseb li l-livell tal-waterpolo f’pajjiżna għola f’dawn l-aħħar snin.
U r-riżorsi fejn jintlagħab?
Għalija ir-riżorsi marbuta mal-waterpolo li għandna f’pajjiżna huma ta’ livell internazzjonali speċjalment il-Pixxina li għandna Tal-Qroqq, li għalija hija waħda mill-isbaħ!
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fir-refereeing tal-waterpolo?
Nixtieq li l-livell tiegħi bħala referee tal-waterpolo dejjem jibqa’ tiela’ għall-aħjar u nibqa’ mmur għall-korsijiet tar-referees li jsiru kull sena.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lil dawk il-bniet jew tfajliet li jixtiequ jibdew karriera ta’ referee fil-waterpolo.
Inħajjar lil dawk it-tfajliet li jħobbu l-logħba tal-waterpolo biex jingħaqdu magħna bħala referees għax hemm bżonn li aħna n-nisa nidħlu iktar fl-isport speċjalment fil-waterpolo!