Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek għall-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet meta kont tifel, jien Brażiljan u kif kulħadd jaf li huwa l-pajjiż tal-futbol, hemm kważi t-tfal kollha joħolmu li jkunu plejers professjonali, aħna trabbejna nilagħbu l-futbol sakemm din saret il-professjoni tagħna!
Kif ġejt tilgħab Malta?
Ġejt nilgħab Malta għax l-aġent tiegħi jaf lill-kowċ Mario Muscat, kellu bżonn difensur xellugi, għoġobni l-karatteristiċi tiegħi u tani l-opportunità li niġi hawn.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mosta FC.
Inħossni tajjeb ħafna ma’ Mosta FC, stajt naddatta malajr għall-futbol ma’ dan it-tim u stajt ngħin fil-prestazzjonijiet sorprendenti tagħna fl-ewwel rawnd tal-kampjonat mal-ewwel 6, nittama li nistgħu niksbu suċċessi saħansitra akbar fit-tieni rawnd!
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nistqarr li ma kontx naf qabel dwar il-futbol Malti. Din hija l-ewwel darba tiegħi barra mill-Brażil, kont sorpriż bil-livell tal-kampjonat, huwa kompetittiv ħafna, il-plejers huma dixxiplinati ħafna tattikament u huwa kampjonat fiżiku ħafna, ftit differenti mill-kampjonat Brażiljan.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Il-grawnds huma impekkabbli, speċjalment dawk tal-ħaxix naturali, naħseb li huma aħjar għall-ispettaklu mill-ħaxix sintetiku, iżda b’mod ġenerali huma tajbin ħafna.
Kif qed tħares ‘il quddiem lejn il-futur tiegħek?
Għall-futur tiegħi nittama li ngħin lil Mostra tilħaq l-għanijiet tal-klabb, konsegwentement jekk it-tim tagħna sejjer tajjeb l-affarijiet jitjiebu għalija wkoll!
Għaddi messaġġ finali lil dawk iż-żgħażagħ li huma lesti li jibdew karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-messaġġ li nista’ ngħaddi liż-żgħażagħ huwa li l-futbol mhux faċli, jitlob ħafna fokus u impenn, li jkollok iċċedi ħafna pjaċiri fil-ħajja biex iwettqu l-iskop ta’ din il-ħolma, li jippreparaw ruħhom mentalment, fuq kollox, il-futbol se jkollu bżonn l-imħabba tiegħek għall-isport.