Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-għawm?
L-imħabba tiegħi lejn dan l-isport bdiet tista’ tgħid tard meta nikkompara lili nnifsi ma’ atleti oħra. Jien kont nattendi l-ballet t’eta’ żgħira pero’ dak iż-żmien l-iskola fejn kont nattendi kienu ntroduċew l-għawm sinkroniżżat wara l-ħin tal-iskola u tħajjart. Kelli tmien snin u sabiex inkun aħjar fl-għawm sinkoniżżat, kelli bżonn nżied l-għawn. Bdejt nipprova nara kif ħa nlaħħaq, pero’ wara ftit ġimgħat ngħum, skoprejt li bdejt nieħu gost u stajt intejjeb il-ħinijiet u għalhekk ipparteċipajt fl-ewwel time trial tiegħi u minn hemm ‘l quddiem ma ħarist lejn xejn aktar – kont sibt l-isport ideali għalija fejn stajt inħossni libera. Eventwalment, kelli nagħżel u naħseb li huwa ovvju x’għażilt! Kien għad kelli biss tmien snin meta tlajt Berlin nikkompeti għall-ewwel tellieqa internazzjonali tiegħi.
X’tikkummenta fuq is-suċċess inkredibbli li ksibt fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra? Kif preparajt għal dan il-Logħob?
Inħossni verament kburija bir-riżultat li ksibt – kemm ir-riżultat tiegħi personali, kif ukoll bħala Team Malta. Meta tirrapreżenta lil pajjiżek f’livell hekk, flimkien ma’ atleti oħra minn dixxiplini oħra, tħoss li qed tagħmel unur mhux biss għalik imma anke għal Malta. Kont veru kuntenta meta ksibt il-Bronze fil-butterfly, u għalkemm ma kienx personal best bħala ħin – għalija din il-medalja kienet tfisser ħafna. Il-fidda fil-medley kienet highlight importanti għalina l-Maltin, għaliex konna qed intellqu ma’ għawwiema professjonali mill-Ewropa li dehru li kienu aktar favoriti minna li jirbħu midalja, u b’unur ngħid li għalkemm konna l-iżgħar tim, irnexxielna!
Bħala prepaparamenti għal dan il-Logħob, fil-każ tiegħi ħabtuli eżatt mal-finals tal-IB – jien attendejt kulleġġ privat li joffri dan il-Baċċellerat u allura l-eżamijiet ma setgħux jakkomodaw lili. Dan kien ifisser li jien kelli jkolli time-management tajjeb u ladarba l-eżamijiet kienu lesti, tirt lejn Andorra sabiex nitħarreġ ftit jien qabel u niffamiljariżża ruħi mal-ambjent u l-pixxina. Pero’ bħala taħriġ hawn Malta, jien qatt ma waqaft u għalkemm kienet sena ta’ sfidi kbar, nħoss sodisfazzjon kbir li rnexxieli nikseb ir-riżultat li ġibt u ma nistax ma nsemmiex il-club tiegħi Neptunes, il-kowċis Maltin kif ukoll il-Kowċ Emma. Dawn kienu strumentali biex nikseb r-riżultati li ksibna. It-taħriġ ikun ilu li beda u jinvolvi kollox, is-saħħar fiżika, mentali, dieta tajba bilanċjata eċċ… u għalhekk nixtieq nirringrazzja lil kul min għeni personali biex nikseb dak li ksibt.
Kif tqis il-livell tal-għawm f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li f’dawn l-aħħar snin l-għawn kiber, kemm f’dak li huwa talent, kif ukoll fl-istruttura ta’ riżorsi għalina lkoll li nħobbu dan l-isport. Naħseb xorta fadal lok fejn nistgħu nikbru aktar. Sfida għalina l-għawwiema hija li għandna jkollna aktar opportunitajiet fejn nikkompetu aktar barra minn xtutna f’livelli għoljin. Wieħed irid joqgħod attent li f’kompetizzjonijiet bħal dawn wieħed irrid jiffoka dwar il-parteċċipazzjoni u mhux biss il-ksib ta’ medalji, għaliex dawn it-tip ta’ kompetizzjonijiet jgħinuna lill-atleta’ jikber aktar, jieħu l-esperjenza, jtejjeb il-performance tiegħu jew tagħha u jiżviluppa aktar.
U fejn tidħol il-kwistjoni tar-riżorsi u l-faċilitajiet tat-taħriġ?
F’dawn l-aħħar snin żdiedu r-riżorsi u l-ftuħ tal-Pixxina fil-Kottonera kienet pass importanti ukoll. Wieħed ma jistax ma jsemmiex ix-xogħol siewi ta’ SportMalta li jaraw li l-Pixxina tinżamm kif suppost. Saru wkoll ħafna investimenti sabiex ħafna mill-pixxini jiġu msaħna fix-xitwa u b’hekk aħna nkomplu t-taħriġ b’mod komdu. L-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS) – fejn jien kont nattendi) kif ukoll il-Kulleġġ il-Ġdid ġewwa Birkirkara – il-Mediterranean College of Sports, wkoll qed jinvestu fi staff professjonali sabiex jagħtu l-aqwa sapport meħtieġ li atleta għandu bżonn.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-għawm?
Fl-aħħar ta’ dan ix-xahar isiru l-Kampjonati Nazzjonali tal-Għawm fejn nixtieq intejjeb il-wirjiet tiegħi u nispera li ngħin lill-klabb tiegħi jikseb riżultat tajjeb u mistħoqq. Wara Ġunju se nħalli lil xtutna u sejra nkompli l-istudji tiegħi l-Amerika fejn se nkompli niġi mħarġa wkoll fl-għawm. Nħossni persuna determinata u għalkemm mhux kollox ward u żahar, nixtieq inkompli ntejjeb il-wirjiet kif ukoll il-ħinijiet tiegħi. Nixtieq li matul is-snin li ġejjin nitħarreġ aktar u l-għan huwa li nikkwalifika għal aktar kompetizzjonijiet importanti u l-edizzjoni li ġej tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2027 ġewwa Monaco.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-għawm.
L-għawn huwa sport impenjattiv ħafna mhux biss għaliex ħafna drabi għalkemm int tkun ma’ tim tittrenja imma tkun waħdek tiela’ u nieżla f’dik il-‘lane’ għal sigħat twal. Mentalment tajjeb li jkollok sapport kemm minn ta’ madwarek, kif ukoll mill-familja. Għalkemm ir-records u l-midalji huma mportanti, fl-aħħar mill-aħħar trid tkun umli u żomm saqajk mal-art, għaliex in-nies u dawk iż-żgħar li llum jammirrawk minħabba l-medalja li ksibt, iridu jibqgħu jiftakruk kemm ġibt enerġija posittiva meta kont madwarhom, kemm inkorreġejthom meta kellhom bżonnok, kemm kont eżempju ta’ sportiv/a li rispettajt li kull membru fit-tim. Fl-aħħar nixtieq nagħlaq li jiġu kif jiġu l-affarijiet, ibqa’ aħdem, irsisti u iġri wara l-ħolm tiegħek, għax dak li jidher impossibli llum, tabilħaqq, jista’ jkun possibli għada!